KAPITLU 5 – KONSEGWENZI NATURALI (L-Ewwel Parti)

KAPITLU 5 – KONSEGWENZI NATURALI (L-Ewwel Parti)

Diversi ġranet wara t-taqlib emozzjonali li ġabet magħha l-istqarrija ta’ Liana, Reinon kien għadu ma jistax jemmen li l-mara li ħadet ħsiebu tul ħajtu kollha ma kinitx tassew ommu. B’ dan ma kienx ifisser li kellu għalfejn jabbandunaha jew jaċċetta lil Franska bħala ommu minflok, iktar u iktar l-għaliex ma xtaqx ikun assoċjat ma’ nisel definit mill-użu tal-maġija sewda. Missieru kien għadu ħaj, x’ imkien mhux magħruf. Reinon kellu kurżita’ kbira fejn kien jinsab, u Franska wkoll kienet qiegħda tfittxu – forsi l-unika ħaġa komuni magħha li seta’ jaċċetta li jkollu.

F’ dawn l-aħħar jiem, Reinon kien terraq lejn Burgo biex ilesti ruħu għall-mawra sa’ Luq’Alfar. Xtara żiemel sewdieni li għammed bħala Luzju, armatura ħafifa tal-ġild skur, diversi skieken tat-tfigħ (u qatta’ naqra ħin jitħarreġ kif iwaddabhom) u saħansitra sab lil min jgħallmu kif jiġġieled bis-skieken u l-istalletti. Wara ftit insistenza (u tixħim), dan l-għalliem urieh ukoll kif isensilhom bil-velenu. Reinon ħass li strateġija tajba kif ikampa mal-ġenn li kien għaddej f’ moħħu kienet li jintefa’ b’ ruħu u ġismu fuq il-missjoni lejn l-Elfi tal-Bosk. Aktar minn hekk, Majsu kien bagħat jgħidlu li kellu jerġa’ lura lejn Marassa dalwaqt – bħal dejjem, mistenni fit-taverna tal-Qattusa Għaġġelija. Iddeċieda li sabiex ma jitlifx ħin, kif jasal Majsu jgħidlu bil-biċċa xogħol tal-qamħ u jitolbu jakkumpanjah sa’ Luq’Alfar. Peress li kien jinqala’ għad-diskors, Majsu seta’ jkun pedina importanti fin-negozjati mal-Elfi tal-Bosk. Mar ukoll javża lil Rowna li kien beħsiebu jitlaq fil-jiem li ġejjin, biex b’ hekk itiha ċans tipprepara. Sabiex iżidilha l-eċċitament, introduċieha maż-żiemel Luzju u offrielha sabiex jirkbu fuqu flimkien għall-vjaġġ – għal Rowna dan kien trattament ta’ prinċipessa.

Waqt li Reinon kien qed jixpruna s-sens ta’ avventura ta’ Rowna, ħareġ Vestru minn ħdejn il-forn u resaq lejhom. Ħarsa ta’ ftit sekondi kkonvinċietu li Reinon ma kienx ta’ min jafdah, wisq inqas jitħalla jersaq lejn il-prezzjuża bintu. “Hawn int, x’ qed tagħmel ma’ binti?” ħatfu Vestru. Reinon inħasad temporanjament – ħaseb li Vestru fl-aħħar kien għarfu li kien jisraqlu l-ħobż kultant. “Xejn sinjur, kont se noħodha dawra fuq iż-żiemel biss”, qallu Reinon bla sens ta’ gideb. Vestru bexxaq għajnejh b’ suspett; “Inti t-tifel ta’ Liana? Ġmielek tittanta t-tfajliet hux? Lil Rowna ħalliha bi kwietha, m’għandekx xi tridha. Jekk tħarbathieli, ħażin ikun għalik! Ftehemna? Rowna, ejja ġewwa issa.” 

Iddispjaċuta li missierha kien qed ikun protettiv daqshekk, Rowna baxxiet rasha u qabdet dieħla lejn id-dar. Imma mhux qabel rat lil Reinon jegħmiżha minn taħt il-għajn u fehmet li ma kellu l-ebda intenzjoni jagħti kas it-twiddiba ta’ Vestru. Tbissmet għall-fatt li Reinon, liebes l-armatura tal-ġild u biż-żiemel ħdejh, minn tfajjel kien qed isir raġel.

Reinon qatagħha li jgħaddi sat-taverna biex jara Amed jekk kienx sema b’ aħbar Majsu. Rabat lil Luzju ma’ lasta ħdejn il-bieb prinċipali, u daħal ġewwa qisu tiegħu. Minn mindu ġie lura sinjur, Reinon kien qed jinnota bidla fl-atteġġjament tan-nies lejh. Filli kien jgħix taħt id-dell ta’ missieru bħala l-‘eżiljat’, u filli meqjus bniedem normali. Ħasibha li seta’ jabbuża kemmxejn minn din il-qagħda soċjali ġdida u jkun iktar spontanju u familjari man-nies.

B’ ħarsa lejn Amed, tefagħlu ċipp tal-fidda u ntasab mal-bank. Amed newwillu tazza birra u qallu “Għandi aħbar tajba u oħra ħażina. Majsu ġie lura u jinsab fil-kamra t’ isfel, imma jinsab ferut.” Bejn sorpriż u mhux, Reinon staqsa, “Qallek xi ħaġa dwar kif weġġa?” Niżżel il-birra f’ nifs wieħed u beda riesaq lejn it-taraġ li jagħti għal isfel. Amed kompla, “Lilu għadni ma rajtux; minflok bagħat rekruta ieħor jgħidli bil-kundizzjoni tiegħu imma ma ħalliex wisq dettalji. Inti inżel naqra sa ħdejh tara aħjar. Jien ma nistax inħalli l-bank waħdu għax kieku ninżel ukoll.”

Reinon niżel it-taraġ b’ pass qabbieżi u fetaħ il-bieb speċi ta’ grada. Minnufih mid-dlam ħarġet xabla b’ ħoss metalliku ‘XLIKK’ u ppuntata lejn griżmejh. Żgur li mhux Majsu – ma kienx ilaħħaq. Tgħid ir-rekruta l-ġdid? “Emm – ġejt nara lil Majsu. Għidlu hawn ‘Tarwin’...jekk jogħġbok?” hu u jipprova jdur u jimmanuvra madwar il-ponta tal-azzar immirata lejh. Mill-isfond tal-kamra mudlama nstema’ leħen muġugħ; “Ħallih jgħaddi, Dorano. Minn tagħna dan ‘Tarwin’.” Ix-xabla rtirat ħesrem, u sidha deher ipassi ‘l ġewwa lejn is-sors tal-leħen. Reinon segwieh sakemm fid-dawl tat-torċa waħdanija mmuntata ma’ ħajt, seta’ jara lil Majsu mħattab fuq bank, b’ nofs vleġġa ħierġa minn ġo dahru. Ftit wara, ir-rekruta żvela ruħu mid-dellijiet bħala figura twila mmuskolata u samranija, b’ armatura tal-ġild mogħnija bi pjanċi tal-ħadid, xabla mdendla maġenbu u qaws qasir ma’ dahru.

“Dorano, dan Reinon, parti mill-Ballottra l-Ħamra. Reinon, Dorano huwa gwerrier nomadu minn Faruga li kien għamel xi żmien bħala suldat, u għaldaqstant huwa mħarreġ fl-arti militari. Biex naqtagħlek il-kurżita’, kif tlaqt minn Kalgaar inzertajt żewġ suldati fuq ronda mat-triq lejn Burgo, li mid-dehra saru jafu x’kien ġara fiċ-ċimiterju u ddeċidew li jinterrogawni. Kelli l-qawsalib fuqi u qishom indunaw li l-vleġeġ kienu simili għal dik li sabu f’ dahar l-għassies, u kelli naħarbilhom. Imma wieħed minnhom laħaq sparali bil-qaws u laqatni minn wara. Li ma kienx jieħdu f’ għajnu!” spiċċa jitmasħan Majsu. Wara dik it-tixriba dettalji, Reinon offrielu li jieħdu s’ għand ommu sabiex iddewwih. Majsu deher interessat iktar għall-prospett li jiltaqa’ ma’ omm Reinon iktar milli biex jiddewwa – imma f’ dan l-istadju kien stabbilit biżżejjed bħala persuna ta’ prijoritajiet imħarbtin (kif ukoll bħala Nofsi għatxan għan-nisa umani).

Lura d-dar, Reinon ħabbar lil Majsu bħala sieħbu li ġie inġustament akkużat b’ serq u kellu jaħrab biex jevita li jiġi arrestat, u li kien sempliċiment inzerta fil-post il-ħażin, fil-ħin il-ħażin. Din il-verżjoni kienet qiegħda tilgħab wisq mal-linja bejn il-verita’ u l-gideb, u Majsu beda jberraq lejn Reinon hu u jispjegaha. Ma xtaqx kieku li Liana tibda mill-ewwel b’impressjoni ħażina tiegħu, iżda fis-sitwazzjoni li kien ma tantx seta’ jagħmel mod ieħor ħlief li joqgħod għaliha. Liana talbitu jimtedd għal tulu wiċċu ‘l isfel, ċarrtet biċċa minn ħwejġu kemm tara l-vleġġa u bdiet teżamina l-ferita waqt li taħsilha. Tatu pozzjoni għal kontra l-uġigħ (li għal naqra ma rrifjutax, biex jipprova joħroġ ta’ eroj), għafset b’ id waħda madwar il-vleġġa u bl-oħra ġibditha ‘l barra. Majsu ħass tingiż qawwi, iżda xejn li b’ sagrifiċċju medju ma rnexxilux jissaporti. B’ ċarruta nadifa, Liana għafset kemmxejn fuq il-ferita biex twaqqaf id-demm u xħin waqaf inixxi, ħietet diversi punti sa ma ngħalqet.

Bħal dejjem, Liana kienet xettika dwar l-użu tal-maġija għalxejn b’ xejn u/jew quddiem stranġieri. Kieku bil-maġija, l-operazzjoni kollha kienet tispiċċa f’ tebqa t’ għajn – bl-għajnuna tal-pozzjoni u metodi konvenzjonali xorta waħda setgħet tiżgura fejqan normali għal Majsu. In-Nofsin terġa’ kienu magħrufin għar-reżiljenza tagħhom, kemm kontra daqqiet kif ukoll bħala proċess ta’ fejqan naturali. Majsu ħass li b’ xi mod kellu jirringrazzja/jimpressjona lil Liana tal-favur li għamlitlu, u ħareġ għaxar ċippijiet tad-deheb (is-soltu Liana kienet iżżomm biss ftit ċippijiet tal-fidda, skond it-trattament dovut u l-qagħda finanzjarja tal-pazjent). Liana dehret sorpriża; “Dawn huma wisq, għażiż Majsu. Li inti ħabib ta’ Reinon huwa biżżejjed; ma rridx ħlas. Kun imbierek.” Majsu ma kienx kuntent. “Imma hemm xi mod kif nista’ nuri l-gratitudni tiegħi, le? Bħal ngħidu aħna... ‘nirranġa’ xi dokumenti biex tkun tista’ tidħol lura Forlana?”

F’ għajnejn Liana, bħal berqa, leħħet ħarsa ta’ tama mħallta ma’ konfużjoni. L-eventwalita’ li tkun tista’ terġa’ lura lejn belt twelidha kienet bejn attraenti u bejn stramba u aljena – kienet ilha wisq maqtugħa minn Forlana biex tmantni kwalunkwe sinjal ta’ ħeġġa li taqbeż fuq l-opportunita’ li tirritorna. Biex tkompli ma’ dan, kienet laħqet rabtet qalbha mal-ħajja relattivament sempliċi li kienet toffri Marassa, kif ukoll il-komunita’ ġenwina u bla pretensjonijiet, għall-kuntrarju tad-diversi nobbli mimlijin bihom infushom li kienu jabitaw Forlana. “Nirringrazzjak, għażiż Majsu. Ma naħsibx li hemm għalfejn tieħu dan l-intrigu – hawnhekk inħossni rispettata u nista’ neżerċita l-vokazzjoni tiegħi bla ħafna intriċċi ta’ politika u diplomazija. Biss biss, jibqa’ l-fatt li n-nies ta’ Forlana ċaħduna minħabba Primon, u ma naħsibx li jkun għaqli għalija u għal Reinon li nimxu hemmhekk.” Majsu ħass li kellu jċedi għal dan ir-raġunar elokwenti; “Kif tixtieq qalbek, għażiża Liana. Jien min-naħa tiegħi ninsab grat ħafna lejk tal-kura kapaċi tiegħek”. M’ għandniex xi ngħidu, Reinon assista għal dan il-mument b’ għajnejh maqlubin u wiċċu moħbi fil-pala ta’ idu, b’ sinjal ta’ mistħija profonda.


Comments

Popular posts from this blog

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (It-Tielet Parti)

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (L-Ewwel Parti)

KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (L-Ewwel Parti)