KAPITLU 4 – RIVELAZZJONIJIET MHUX MISTENNIJA (It-Tieni Parti)
KAPITLU 4 – RIVELAZZJONIJIET MHUX MISTENNIJA (It-Tieni Parti) Wieqaf fid-daħla tal-ħanut, Reinon inzerta lil Rowna tissara ma’ forn li kien maħkum min-nirien. Maġenb il-forn, żewġ tilari mimlijin ħbejżiet suwed kienu jispjegaw x’ ġara. Il-ħaġa stramba kienet li Rowna ġiet mgħallma sew minn Vestru u kienet ilha snin tagħmel dan ix-xogħol, u bħalissa ma kienx hemm xi bżonn qawwi ta’ tħabrik minħabba li l-bejgħ kien naqas. Tgħid żball ġenwin b’ nuqqas t’ attenzjoni? Kien x’ kien, ħobż maħruq mhux tajjeb biex jittiekel u allura ħabat tajjeb – kien hemm inqas ċans li tinxtered il-marda. Il-ħaġa iktar stramba kienet li Rowna għal mument għamlet mossa b’ idejha qisha ħa tagħti daqqa ta’ ħarta lill-forn, u oħroġ il-għaġeb in-nirien waqfu sobtu. “Naħseb irnexxielek tbeżżgħu lill-forn”, iċċajta Reinon hu u riesaq lejha. Rowna nħasdet u wiċċha sar lewn xagħarha – bdiet iddur f’ kull direzzjoni qisha nqabdet tagħmel xi ħaġa li mhux suppost. Eventwalment moħħha rreġistra li dak li kellimha ma kien ...