KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (It-Tieni Parti)
KAPITLU 2 - ŻIFNA MAL-MEWT (It-Tieni Parti) Reinon intasab bilqiegħda b’ sidru ma dahar is-siġġu, josserva x-xquq fit-travi tal-injam li kienu jreġu s-saqaf tat-taverna. Il-klijentela ta’ filgħaxija dehret iktar ta’ qattagħni; nies miżgħuda farretti, tbenġil, snien u/jew partijiet oħra tal-ġisem neqsin, tpinġijiet makabri u ħwejjeġ immermrin. Ħassu bħal ħuta barra mill-ilma iktar minn qatt qabel, anki għall-possibilta’ kbira li bħala ħalliel professjonali kien se jkollu jħabbatha spiss ma’ tali karattri. Mal-ħin, Razil deher jiżbokka mit-taraġ tal-kantina. Reinon ta ħarsa serja lil Amed bħal speċi “Dak kien hawn u m’ għedtlix?” iżda Amed antiċipah u refa sebgħu wieqaf ma’ ħalqu b’ sinjal biex joqgħod kwiet. Bis-solita mġieba insidjuża tiegħu, Razil indika (bħal dejjem, bis-sikkina) lil Reinon sabiex jinżel sal-kantina. Hemm sab lil Majsu jġorr basket b’xi għodod u lampa taż-żejt. “Aaaara seħibna…’Tarwin’ wasal. Bil-lest jew?” laqgħu Majsu b’ aċċenn fuq l-isem ‘Tarwin’ donnu kien induna...