KAPITLU 4 – RIVELAZZJONIJIET MHUX MISTENNIJA (L-Ewwel Parti)
KAPITLU 4 – RIVELAZZJONIJIET MHUX MISTENNIJA (L-Ewwel Parti) “Wasalna, żagħżugħ!” Mixħut għal tulu fuq il-karru tal-provisti, Reinon tħarrek min-nagħsa li tħeddel fiha matul il-vjaġġ, qam kokka u tfarfar mil-laqx tat-tiben li kien qabad ma’ ħwejġu sakemm kien mimdud. Id-dehra familjari tax-xatba prinċipali fil-fortifikazzjoni miżera ta’ Marassa kienet riesqa dejjem viċin. Bla ma ta ċans lill-karru jieqaf, qabeż minn fuqu għal mal-art u beda miexi lejn id-dar. Lill-kuċċier kien diġa’ ħallsu ċipp tad-deheb meta kienu Kalgaar, biex jagħmel ftit arja li issa kellu sitwazzjoni finanzjarja f’ postha. Matul it-triq innota tinda bajdanija viċin il-pjazza tal-villaġġ, u deher li madwarha kien hemm xi ftit kommossjoni. Aktar ma jersaq viċin aktar beda jirreġistra dettalji, bħal sodod u mtieraħ bin-nies fuqhom, iktar nies iduru madwarhom, għajat, krib u tnehid ta’ uġigħ, u l-aħħar u mhux l-inqas, ommu tagħqad u ddur bejn pazjent u ieħor qisha naħla fuq il-fjuri. Mar minnufih fuqha jistaqsi x’ kie...