KAPITLU 4 – RIVELAZZJONIJIET MHUX MISTENNIJA (L-Ewwel Parti)

KAPITLU 4 – RIVELAZZJONIJIET MHUX MISTENNIJA (L-Ewwel Parti)

“Wasalna, żagħżugħ!”

Mixħut għal tulu fuq il-karru tal-provisti, Reinon tħarrek min-nagħsa li tħeddel fiha matul il-vjaġġ, qam kokka u tfarfar mil-laqx tat-tiben li kien qabad ma’ ħwejġu sakemm kien mimdud. Id-dehra familjari tax-xatba prinċipali fil-fortifikazzjoni miżera ta’ Marassa kienet riesqa dejjem viċin. Bla ma ta ċans lill-karru jieqaf, qabeż minn fuqu għal mal-art u beda miexi lejn id-dar. Lill-kuċċier kien diġa’ ħallsu ċipp tad-deheb meta kienu Kalgaar, biex jagħmel ftit arja li issa kellu sitwazzjoni finanzjarja f’ postha.

Matul it-triq innota tinda bajdanija viċin il-pjazza tal-villaġġ, u deher li madwarha kien hemm xi ftit kommossjoni. Aktar ma jersaq viċin aktar beda jirreġistra dettalji, bħal sodod u mtieraħ bin-nies fuqhom, iktar nies iduru madwarhom, għajat, krib u tnehid ta’ uġigħ, u l-aħħar u mhux l-inqas, ommu tagħqad u ddur bejn pazjent u ieħor qisha naħla fuq il-fjuri. Mar minnufih fuqha jistaqsi x’ kien ġara. Liana, b’maktur ma’ wiċċha, minnufih tatu t-titlu temporanju ta’ assistent tagħha; “Reinon, ġibli dik il-ġarra tal-ilma u mur sad-dar ara baqax xi peprin niexef.”

“Tista’ għallinqas tgħidli x’ ġara?” staqsa Reinon kemmxejn miġbud. “Hawn xi marda ddur fil-villaġġ – m’ għandniex ħin x’ nitilfu!” ħarġet Liana b’ ħarsa li kienet tixhed urġenza. Reinon induna li kwalunkwe diskussjoni li xtaq jagħmel kien se jkollha tistenna. Newlilha l-ġarra li talbitu u lebbet lejn id-dar sabiex ifittex fost il-pjanti u ħxejjex li ommu kienet tikseb għall-pozzjonijiet. Mar malajr sa kamartu u ddepożita ċ-ċippijiet tad-deheb fil-kaxxa ta’ taħt is-sodda, iżda żamm ponn minnhom fuqu għax qalbu ħebritu li hemm mnejn ikollu bżonn jixtri xi ħaġa biex jgħin lil ommu. Qalleb tnejn fil-kxaxen ta’ ommu u sab tliet pepriniet nofshom mgħakkrin. Liana kienet bit-tir li tagħmel taħlita mill-essenza tal-peprin sabiex ittaffi l-uġigħ, iżda l-provisti tagħha ma kinux qed ilaħħqu mal-ammont ta’ nies morda li kien hemm taħt it-tinda. 

Ma xtaqitx tirrikorri għall-maġija tal-fejqan għax dik kienet tfisser attenzjoni żejda – avolja l-maġija ta’ Liana kienet dik bajda u benevolenti, xorta kien hemm dawk li għalihom kull tip ta’ maġija kienet vantaġġ mhux dovut fuq ħaddieħor u xi ħaġa mhux ta’ min jafdaha; għaldaqstant kienu jiddemonizzaw kull xorta ta’ seħer. Kien se jkollha tinqeda bl-għarfien tal-alkimija u l-ħxejjex biex iddewwi u sserraħ, għalkemm kienet qed tberren ġo moħħha l-eventwalita’ li jekk is-sitwazzjoni taħrab mill-kontroll, x’ aktarx li kien ikollha tuża l-maġija. 

Il-kawża tal-marda kienet għadha mhux magħrufa. Is-sintomi kienu jinkludu; sogħla raffa mimlija katarru, ħmura tal-għajnejn, uġigħ ta’ ras mill-kbar, dgħjufija inġenerali, telf tas-sensi tax-xamm u tat-togħma, tbatija bin-nifs u ħruq fil-griżmejn. Xejn fatali, iżda ta’ inkonvenjent kbir u kienet tittieħed faċilment...kważi faċilment iżżejjed. Il-biża’ ta’ Liana kien li tispiċċa tuża r-riżorsi kollha tagħha kontra din il-marda u ma jkollhiex biex tagħmel il-flus mir-riċetti soliti tagħha. Wieħed seta’ kieku jitlob prezz xorta waħda mingħand dawk affettwati b’ din il-marda, imma Liana ma kellhiex qalb tagħmel dan.

Wasal lura Reinon bil-peprin. Malli newwilhom lil ommu din baqgħet mistagħġba; “Dawn biss baqa’? Għandi bżonn imqar għaxra biex l-effett jinħoloq kif suppost.” Siltet borża żgħira minn butha, li miċ-ċekċik kien fiha l-flus, u talbet lil Reinon imur isib jixtri iktar mingħand Netta l-ispiżjara. Netta kienet l-ewwel rikors ta’ Liana meta kien jonqosha xi ħaġa, peress li kienet tkabbar xi ħxejjex u fjuri hi stess – arti li Liana qatt ma rnexxielha taqbad minkejja n-natural benevolenti tagħha. Min-naħa tiegħu Reinon ċaħad il-borża billi waqqaf il-pala ta’ idu miftuħa imbagħad miss sidru, b’ ġest ta’ “issa nieħu ħsieb jien”. Urieha ċipp tad-deheb u qalilha “Għandi iktar, imbagħad ngħidlek – imma serraħ rasek ma sraqthomx...mhux eżattament”. U tar lejn l-ispiżerija bla ma taha ċans tirribatti.

Netta kellha l-problemi tagħha. B’ din il-marda li kienet qiegħda tinfirex, kienet qed tipprova tlaħħaq ma’ klijenti bil-gzuz u daqt kien se jispiċċalha kollox hi stess. Malli ra r-rassa, Reinon qata’ qalbu li jistenna wara min kien imissu (jekk xi ħadd kien qed jindenja iżomm ordni wara kollox). Dar għan-naħa ta’ wara tal-għorfa sal-ġnien u lemaħ ringiela fjuri ħomor – il-peprin. Ħataf daqs għaxra minnhom u daħal mill-bieb li kien jagħti għal wara l-bank, qisu tiegħu – hemm wera lil Netta x’ kellu f’ idu, mentri fl-oħra kellu ħames ċippijiet tad-deheb. Telaqhomlha fuq il-bank u qalilha “Dawn għal Liana”. Netta ma tantx ħabblet għajnha – ħames ċippijiet tad-deheb riedet kważi ġurnata xogħol għalihom, u għalhekk ma sabet l-ebda oġġezzjoni lejn Reinon li jaqbeż lil kulħadd – il-pagament sa anki ħafirlu l-inkursjoni ġol-ġnien tagħha. Fortunatament, ħadd mill-klijentela ma ta każ iżżejjed ta’ din it-tranżazzjoni, għax kellhom fejn iqumu suspetti serji meta żagħżugħ tal-eta’ ta’ Reinon jibda jroxx dak it-tip ta’ flus qisu xejn m’ hu xejn.

Kemmxejn infiskat li spiċċa jagħmilha ta’ messaġġier meta moħħu kien qed ifur bil-mistoqsijiet, Reinon reġa’ għal darb’ oħra lura lejn ommu bil-peprin. Liana rringrazzjatu waqt li talbet lill-pazjent tagħha, raġel anzjan b’ xagħru ħafifa u mnieħer mgħawweġ, jakkumpanjaha sad-dar għal trattament speċjalizzat. Reinon għolla ħuġbejh – ma kienx soltu li Liana taqbad u ddaħħal stranġiera ġewwa darha. Malli waslu, Liana talbet lill-anzjan jimtedd fuq sodda separata minn tagħha u ta’ Reinon.

Għalqet il-purtieri kollha u sakkret il-bieb. Taħnet il-peprin ġewwa mehrież tal-ġebel illustrat, żiedet ftit taqtiriet ilma żahar, kebbset fjamma żgħira taħt kaldarun tal-alkimija mimli bl-ilma u ferrgħet it-taħlita għal ġo fih. Ftit tal-ħin wara tfiet il-fjamma waqt li bdiet tħawwad it-taħlita u tgedwed xi ħaġa minn taħt l-ilsien u l-kaldarun beda jleqq u jkanġi kemmxejn fil-vjola. Qabdet bieqja tal-injam, ħadet mit-taħlita u offrietha lill-anzjan sabiex jixrob. Reinon osserva li ommu kienet għamlet seħer fuq it-taħlita, iżda kien għadu ma jafx għalxiex. Il-kurżita’ tiegħu ma damitx ma ssodisfat ruħha għax l-anzjan intelaq kompletament fuq il-mitraħ, ħareġ in-nifs kollu u beda jonħor.

Liana xammret il-kmiem. Poġġiet idejha fuq ġbin l-anzjan u bdiet inkantazzjoni stramba – fost il-kliem Reinon sema’ “Naoma” u “aletheia” ripetuti – u minnufih ħarġet bħal żigarella bajdanija trasparenti minn ġo ras ix-xwejjaħ u serrpet fl-arja għal ġo ras Liana. Għajnejha bjadu għalkollox, rasha mielet lura, u l-inkantazzjoni żiedet fil-volum, donnha posseduta minn forzi esterni. Reinon b’ ħalqu miftuħ kien konċernat għal saħħet ommu – ma fehemx x’ kien qed jiġri.

L-inkantazzjoni ntemmet ħesrem u Liana nstabtet għal għarkubbtejha mal-art. Reinon ġera biex iwieżen lil ommu, li fis serrħitlu rasu li kienet għadha f’ sensiha. “M’ hemm għalfejn tinkwieta Reinon. Dak kien seħer sabiex insir naf il-verita’ dwar x’ ikkawża din il-marda; kif stajt tara ppreferejt nagħmlu fil-kumdita’ ta’ dari nkella n-nies jaħsbu ħażin. Jidher li għandna l-qamħ kollu ta’ Marassa misħut mill-maġija tan-natura tal-Elfi tal-Bosk minn Luq’Alfar. Ma stajtx nagħraf il-motivazzjoni tagħhom għax is-seħer ma jtinix li nara daqshekk il-bogħod. Hemm bżonn navżaw lin-nies biex ma jikkunsmawx iktar ħobż għalissa, u speċjalment lil Vestru biex ma jipproċessax iktar qamħ sakemm dan is-seħer jintemm. Biżżejjed li ngħidulhom li l-qamħ ikkontaminat – ma nsemmux sħarijiet inkella nirriskjaw xi ribelljoni ntamata”.

Reinon beda jitlef naqra l-paċenzja għall-qadja wara l-oħra li kienet qed tinqala’. “Ma, sejjer ngħid lil Vestru imma kif niġi lura rrid inkellmek urġenti, jekk jogħġbok”. Liana, bejn sorpriża u bejn le (wara kollox binha kien ilu jumejn jiġġerra barra) fehmet u qaltlu, “Nitkellmu, mela le. Nirringrazzjak tal-għajnuna anzi”. Għajnejn Reinon xegħlu, tbissem u telaq jiġri għal għand Vestru. Mat-triq beda jittama li jsib lil Rowna minflok; ħass li iktar kienet ser tifhmu minn missierha, li kellu reputazzjoni ta’ bniedem bla sabar u temperament imdendel b’ ħajta. Vestru u mhux, xtaq li jsib lilha inġenerali nsomma, peress li kien ilu ma jaraha. Malli avviċina l-ħanut ta’ Vestru ra li ma kellux wisq klijentela, wisq probabbli minħabba li nofs il-villaġġ kien deċimat bil-marda. Il-ħobż kien parti essenzjali mid-dieta, aktar u aktar meta tqis li Marassa ma kinitx midħla tal-laħam iżda dipendenti fuq il-prodotti tal-għelieqi.



Comments

Popular posts from this blog

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (It-Tielet Parti)

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (L-Ewwel Parti)

KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (L-Ewwel Parti)