KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (L-Ewwel Parti)
KAPITLU 3 - SIGRIETI FAMILJARI (L-Ewwel Parti)
Franska avviċinat l-iskeletru ta’ Razil u b’ saqajha ressqet xi kustilji. Il-ġiżirana li kellu fil-but reġgħet xirfet għad-dawl tal-qamar qisha biex tgħid ‘hawn jien’. Ġabritha mill-art bħal meta xi ħadd jaqta’ fjura u ħasset dehxa bard malli missitha, akkumpanjata minn sens ta’ dgħjufija. Poġġietha fil-but tal-mantell, daret lejn il-kripta u għamlet triqitha lejn it-taraġ.
Reinon kien għadu msammar moħbi wara sarkofagu jittawwal minn wara l-kantuniera, hu u jara lil Franska nieżla t-taraġ u riesqa lejh. Moħħu ma setax jiggranfa ma’ dak li kien għadu kemm ġara, l-għaliex hu ma kellux l-iċken idea min kienet u x’ kapaċi tagħmel altru minn dak li kien tarraflu Majsu. Dak li kien baqa minn xagħar Franska, flimkien mal-fdalijiet immermrin tal-libsa lewn vjola bati u t-tarf tal-mantell kienu qed iperpru f’ żiffa stramba li Reinon ma kienx qed iħoss. Ħareġ is-sikkina li kellu miegħu u ħaddanha quddiemu b’ sens ta’ protezzjoni fraġli. Laħaq stenbaħ għall-fatt li kellu l-pozzjoni maġika ta’ Liana fuqu, u dlonk ħarġu u battlu f’ nifs wieħed.
Għal għarrieda ispirat mill-benefiċċju tal-pozzjoni, ħareġ jiġri minn wara s-sarkofagu bis-sikkina ppreparata għall-ġlied, dritt lejn Franska. Hija ħarġet idejha quddiemha u ittantat tispara ballun ta’ seħer iswed lejn Reinon, iżda ma rnexxilhiex. L-unika alternattiva li kien baqgħalha kienet li b’ idejha stess tipprova twaqqaf lil Reinon milli jtiha bis-sikkina. Ma kinitx nieqsa mis-saħħa, u b’ mossa sottili ddevjat is-sikkina lejn ġenb wieħed waqt li ħafnitlu idejh u għawġitha sakemm ġegħlitu jwaqqagħha.
Reinon għajjat għajta ta’ uġigħ li rbumbjat mal-kripta kollha. Franska tbaxxiet taqbad is-sikkina u b’ arja ta’ tortura ppuntatha lejn spalltu tax-xellug. Bdiet tagħfasha bil-mod kontrih iżda l-ponta qatt ma xirfet għal ġewwa l-ġilda – il-pozzjoni kien qed jagħmel tiegħu. Frustrata, Franska sabbtet is-sikkina f’ estru manijakali u bdiet twerżaq lejn Reinon, sakemm intlaqtet minn epifanija li waqqfitha ħesrem.
“Inti mir-razza ta’ Gevral. Min inti u min huma niesek? Tkellem!” amret Franska waqt li miexja lejh. Reinon, jirtogħod u miblugħ għall-fatt li ismu kien magħruf għaliha, fetħilha jtemtem, “Jjjjjiena Reinon, m-m-m-m-miss-misssssieri p-p-p-p-Primon, ommmi Lllliana”. Hekk kif semgħet isem Primon, Franska waqfet sobtu; aġir li kien jindika familjarita’ mal-isem. “Sewwa. Primon kellu mara oħra”, tniehdet Franska hi u tistrieħ mas-sarkofagu tagħha stess. “Jidher li missierek kien imqareb mhux ħażin, ġuvnott. Nissoponi li ma tantx kien preżenti f’ ħajtek iżda, la tinsab hawn tisraq minn fuq il-mejtin. Nirringrazzjak talli neħħejtli dik il-misħuta ġiżirana...mid-dehra xxejjen is-saħħa tal-maġija sewda meta tintlibes. Sakemm kienet ma’ għonqi ma kelli l-ebda tama li nerġa’ lura għall-ħajja”.
Reinon giref naqra kuraġġ mill-abbissi ta’ qalbu u staqsa, “Kif irnexxielek terġa’ tqum?” Donnha rasha mistrieħa li xi ħadd ma kienx qed jiġġudikaha, Franska weġbitu, “Snin twal ta’ riċerka, tbatija u eżilju. Għallimt lil missierek kull ma kont naf, avolja hu minn dejjem kellu l-mod u r-raġunijiet tiegħu kif jagħmel l-affarijiet”. “Jiġifieri...missieri kien saħħar tal-maġija sewda?” skanta Reinon. “Mhux sa barra. Hemm dawk li għalihom il-maġija sewda ma hi xejn ħlief mezz sabiex itawlu ħajjithom jew jipprevjenu l-mewt, imbagħad hemm dawk li jużawha biex jaħqru lil ħaddieħor għal gwadann personali”, spjegat Franska.
Reinon kien qed isibha bi tqila mmens biex jipproċessa l-ġustifikazzjoni ta’ dak li tul ħajtu kollha emmen li kien ħażin. “Qed narak imfixkel, Reinon. Jidher ċar li mhux il-waqt li tkun taf kollox għalissa – ma rridx nagħtik impressjoni ħażina ta’ missierek. Għamel ħafna u ħafna sagrifiċċji biex jipproteġik mill-bogħod, kif jiena ċerta li ommok ukoll tipproteġik bil-mod tagħha. Maż-żmien għad tifhem kollox.”
Issummat, Reinon kien inklinat biex iferra’ ruxxmata mistoqsijiet, fosthom x’tip ta’ sagrifiċċji jew ħażen kien għamel missieru, jekk Franska kinitx taf x’sar minnu, għalfejn is-seħer iswed tagħha ma ħadimx fuqu, u għalfejn kellu jgħaddi ż-żmien biex jifhem kollox. Kull ma rnexxielu joħroġ minn fommu kien “Sadanittant x’ ser nagħmel allura?” Franska wieġbet, “Li kont minnek għalissa mmur ngħix ħajti normali. Meta tħossok li kbirt u mmaturajt biżżejjed u kapaċi tiflaħ ċertu veritajiet u toqol tal-ħajja, ejja staqsi għalija ġewwa l-Makilba. Il-ġiżirana tista’ toħodha lura – ma nissuġġerilekx tilbisha, imma ġġib prezz sewwa jekk issib il-bejgħ tagħha”. ‘Normali’ kienet kelma kbira għal Reinon wara l-avvenimenti li kien esperjenza u dak li sar jaf matul il-lejl. Ma tatux wisq iktar ċans jaħseb fuq x’jistaqsiha iktar għax fis xejret dirgħajha f’ għamla ta’ ċirku kbir waqt li tħalli rxiex vjola jtiru kull fejn għaddew idejha. Tfaċċat bħal toqba mdaqqsa fl-arja, imdawra minn irxiex u tlellix tal-istess kulur, u mimlija b’disinji mewwieġa jkanġu bejn lewn kaħlani u vjola. Franska ħarset lejn Reinon, tat pass għal ġewwa fiha u dlonk sparixxiet minn quddiem għajnejh – iċ-ċirku dab fix-xejn wara ftit, u hekk ħallietu b’ ħalqu miftuħ waħdu fil-kripta.
Appena ġie f’ tiegħu, Reinon qatagħha li l-iktar mossa għaqlija tkun li b’ xi mod imur lura d-dar u jitkellem ma’ ommu fuq id-diskursata li kellu ma’ Franska. Xi ħaġa f’ moħħu kienet qed tgħidlu li ommu la kienet taf bi Franska u wisq inqas kienet ser tieħu pjaċir bl-allegat żmien li Primon qatta’ jitgħallem magħha. Iżda ħass li kellu jgħidilha minkejja kollox – forsi bejn li qaltlu Franska u li tgħidlu Liana seta’ jġannat iktar mill-istorja ta’ min verament kien missieru. Tela’ t-taraġ tal-kripta u lemaħ ix-xemx fuq ix-xefaq, bir-raġġi jmellsu l-għadam ta’ Razil, il-karru ta’ Majsu, u l-katavru tal-għassies.
Ma qattax wisq ħin jinvestiga l-istraġi li sab barra l-kripta, altru milli jifli kollox għal dak li seta’ jieħu miegħu jew li seta’ jkun ta’ użu. Minn ġewwa l-għadam ta’ (dak li assuma li kien) Razil ħa s-sikkina li tant kien jedha jdawwar ma’ subgħajh, l-għodda għall-ftuħ tas-serraturi, u flixkun żgħir tal-ħġieġ b’ likwidu magħqud ħadrani. Fil-karru kien għad hemm il-basket ta’ Majsu bl-għodod; għarrex ġewwa fih biex jara jsibx iċ-ċurkett, iżda fl-assenza tiegħu kkonkluda li Majsu kien ħarab bih b’ kollox. Sab biċċtejn ħobż inkartati u xi frott – imnalla n-Nofsin kienu jħobbu l-ikel tant li kull fejn imorru jġorruh magħhom.
Sforz ix-xena makabra li kellu madwaru u ż-żernieq imminenti, Reinon iddeċieda li jdabbar minn fuq il-post qabel jinzertah xi ħadd u jibda jistaqsi ħafna mistoqsijiet skomdi, jew agħar, jakkużah li qatel l-għassies, jew agħar, li kien jipprattika l-maġija sewda (indikata mill-iskeletru frisk u mnaddaf ta’ Razil). Qabad it-triq lura barra miċ-ċimiterju u ipprova jsegwi l-istess traġett li kienu ġew minnu, bit-tama li fi żmien ġurnata jkun lura Marassa. Bil-provisti li kellu ħassu kunfidenti li kien iwassal bla wisq tbatija, għalkemm ma kienx ser jiċħad offerti ta’ passaġġ fuq xi karru jew żiemel mingħand il-proxxmu li jkun jinzerta għaddej fl-istess direzzjoni.
Id-destin bħal donnu qralu ħsiebu, għax ma damx ma’ ltaqa mal-ewwel sinjal ta’ ħajja mindu ħareġ mill-kripta. Dak li għaraf bħala l-ħmar ta’ Majsu kien marbut ma’ injama ffissata f’ ħorża ta’ bir tal-ġebel, u seta’ jilmaħ ukoll troffa xagħar kannella wara l-istess ħorża, kif ukoll par idejn sufin jiġbdu l-ħabel tas-satal. B’ dak il-ħjiel Reinon ikkonkluda li Majsu kien waqaf jixrob. Kellu kunflitt intern bejn jekk joffendihx talli kien abbandunah fil-periklu jew itihx raġun jaħrab quddiem dik l-esebizzjoni ta’ poter ta’ Franska. Kif avviċinah, Majsu ħa qatgħa ta’ proporzjonijiet leġġendarji, akkumpanjata minn twerżiqa ta’ ton femminili u t-tluq għall-għarrieda tal-ħabel, bis-satal jinstabat mal-ilma tal-bir bi *ĊLUFF* li kkonkludiet it-twerżiqa.
“Kif- kif? Kif għadek ħaj?” stagħġeb Majsu, din id-darba b’ ton irkuprat. “Lil Razil ġabitu għadam, GĦADAM! U inti hawn, bla mittiefes! U għalfejn għajtitlek ‘Gevral’? Jaqaw għandek x’ taqsam mat-Traditur tar-Renju?” Reinon inġibed; kien kważi nesa għalkollox dak it-timbru. Ma kienx dell pjaċevoli fuqu u fuq Liana, u lanqas kienet xi ħaġa li bniedem seta’ jġorr konxjament ta’ spiss f’ moħħu mingħajr ma jgħejja – tali informazzjoni ġiet moħbija fis-subkonxju. Sarkastikament wieġeb lil Majsu, “L-hekk imsejjaħ ‘Traditur’ huwa missieri. Jien ma jisimnix Tarwin iżda Reinon, u le, m’għandix x’ naqsam ma dak li għamel missieri – kont għadni wisq żgħir biex nifhem x’ kien qed jiġri. Il-ġiżirana li xtaqt tinsab għandi, imma mhux se ntihielek qabel tintroduċini mal-kollega tiegħek li jixtri l-oġġetti misruqa u nitħallas kemm tal-kedda li għadni kif ħadt kif ukoll taċ-ċurkett li tajtek.”
Comments
Post a Comment