KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (It-Tielet Parti)
KAPITLU 3 - SIGRIETI FAMILJARI (It-Tielet Parti)
“Mhux lakemm ninsa; taf biżżejjed minn xiex kellna ngħaddu minħabba missieri għax ma ridnix inkun ma’ Nofsi, imbagħad inti tajtu raġun meta berbaqt kollox fuq ħolma fiergħa. Elf priedka għamilli fuq kemm kien jaf x’ inhu jgħid u kif hu biss jaf x’ inhu l-aħjar għalija – minħabba fik lanqas stajt noħroġ ma’ xi ħadd ieħor maż-żmien għax spiċċa ma japprova minn ħadd!” irribattiet Samza. Majsu nduna li bil-kliem ma tantx kien ser jasal, allura ipprova bil-lingwa l-oħra li kienet titkellem hija; il-ġojjellerija. Ħareġ iċ-ċurkett li kien tah Reinon u żammu fuq rasu biex tarah sewwa. Min-naħa tiegħu Reinon xamm li kien imiss lilu joħroġ il-ġiżirana biex isaħħaħ l-argument ta’ Majsu.
Samza bilkemm ikkalkulat lil Majsu għax malli Reinon ipproduċa l-ġiżirana, għajnejha taru għal fuqha kemmxejn impressjonata. Marret dritt quddiem Reinon tifliha iktar mill-viċin; ta’ bniedma tas-sengħa li kienet, ma damitx ma ntebħet bit-timbru tal-ġojjellier fuq in-naħa ta’ wara tal-muntatura tal-fossa prinċipali – forma ta’ salib bi tmien ponot. “Din xogħol ta’ Gantoris! X’ inhi tagħmel għandek? stagħġbet Samza hi u tgħaddi subgħajha fuq il-fosos ħamranin. Majsu deher mistagħġeb daqsha. “Gantoris? Imma jien – mhux hu qabbadni nġibhielu lura...kien xi ħadd ieħor...”. Reinon nibet fin-nofs kurjuż, “X’ qed tgħid Majsu? U min hu Gantoris?” “Elbro Gantoris huwa Nofs-Elf, l-aqwa ġojjellier fir-Renju. Xogħlu spiss jispiċċa f’ idejn l-Inkwiżizzjoni, għax is-sħarijiet li jużaw huma jeħtieġu materjal ta’ ċertu kwalita’ biex ikun jiflaħ it-toqol tas-seħer, apparti li jeżistu ċertu ritwali biex jippreparaw oġġett ta’ ġojjellerija sabiex ikun jista’ jiġi msaħħar. Mill-ftit li naf, id-deheb jintuża biex jikkanċella s-seħer iswed, u r-rubini huma assoċjati mas-seħer tad-demm. Jiġifieri kienet intenzjonata għal xi ħadd partikolarment perikoluż...tgħiduli naqra?”
Majsu u Reinon ħarsu lejn xulxin u xirfu tbissima nervuża. “Naqra storja twila, imma xi ħadd li identifika ruħu bħala l-kreatur ta’ din il-ġiżirana qabbadni biex niksibha lura. Reinon daħal bi sħab miegħi għal din il-missjoni li ħaditna fiċ-ċimiterju ta’ Burgo...apparentament f’ qabar minnhom kien hemm katavru ta’ barunessa liebes il-ġiżirana, u kif neħħewha minn mal-għonq din ħadet il-ħajja!” Il-ħarsa ta’ diżapprovazzjoni li Samza tat lil Majsu kienet iġġiegħel anki lil Derius jistħi. “Tisraq minn fuq il-mejtin? Ara veru waqajt fil-baxx ta...daqshekk iddisprat għall-flus?” “Biċċa xogħol hija biċċa xogħol – ir-reputazzjoni tal-Ballottra l-Ħamra rrid inmantniha b’xi mod, u dan ifisser li ma tantx nista’ nkun duttur fuq x’ naċċetta u ma naċċettax. Iktar minn hekk, naħseb ma smajtnix meta għedtlek li l-barunessa IRXUXTAT, jiġifieri teknikament ma kinitx mejta sa barra”, ipprotesta Majsu. Samza rabtet dirgħajha ġo xulxin u b’ sarkażmu jaqta’ l-blat wieġbet, “U le mela kull m’għamiltu kien li ħlistu xi saħħara sewda għal fuq in-nies ta’ Burgo, xejn gravi.” Nefħet waħda twila u kompliet, “Hi x’ inhi, dik il-ġiżirana probabbli daqt tiġi mfittxija mill-Inkwiżizzjoni, allura l-aħjar ħaġa li nagħmlu, kontra qalbi, hi li nżarmawha, indewweb id-deheb u nbigħ il-fosos apparti.”
Majsu qabel mal-pjan kieku, iżda kellu fuqu ħarsa ta’ ġeru jistenna l-ħniena; “Ma jmissniex xi ħaġa minnhom tgħid? U taċ-ċurkett?” Samza ħasbitha ftit, u b’ doża għaqal qaltlu li tħossha aħjar tafda l-flus tal-bejgħ tal-fosos f’ idejn Reinon – ħames mitt ċipp tad-deheb! Tatu mitejn u ħamsin minnhom bil-quddiem u wegħditu n-nofs l-ieħor meta jirnexxilha tbiegħhom. Id-deheb tal-ġiżirana kienet se żżommu hi għax-xogħol ta’ idejha. Majsu irrassenja ruħu għall-fatt li hu kellu ħabta jsib ruħu bla flus u għaldaqstant, kellu jikkuntenta bis-somma inferjuri ta’ ħamsin ċipp tad-deheb – kien qed jesaġera bil-kbir meta tmejjel b’ Reinon u qallu li ċ-ċurkett kien iġib elfejn ċipp tad-deheb. Dik kif ukoll li Samza ma riditx tpaxxi lil Majsu u ttih il-valur kollu taċ-ċurkett.
Reinon kien fis-seba’ sema jgħarbel iċ-ċippijiet minn bejn subgħajh – ma tlumux, la qatt ma kien ra somma flus bħal dik. Diġa’ kien qed jibni l-kastelli fl-arja dwar x’ kien ser jagħmel bihom, tant li nesa li fil-verita’, iċ-ċurkett kien kisbu huwa u b’ hekk kien xieraq li jmissu mqar xi ħaġa minnu, iżda ma tax każ. Kien fuq ix-xwiek biex jerġa’ lura d-dar u jagħti l-bxara t-tajba lil ommu (fost il-mistoqsijiet li ried jagħmlilha, xprunati mill-inkontru ma’ Franska). Jonqos biss il-mistoqsija ta’ kif se jirritorna lejn Marassa. “Ma tafux mnejn nista’ nikseb passaġġ għal Marassa, jekk jogħġobkom?” staqsa Reinon vagament fid-direzzjoni kemm ta’ Samza u kemm ta’ Majsu.
“Diġa’ ser tħallina? U jien hawn kont qed naħseb biex indaħħlek fil-Ballottra l-Ħamra u nfittxu iktar nies ħa nkabbru l-grupp!” spara Majsu. Samza tatu ħarsa ta’ diżappunt; l-ossessjoni tiegħu b’ dak il-grupp kienet wasslitu għal kull xorta ta’ saram finanzjarju, u kien għadu ma qatax qalbu. Imma ma tistax tgħid, ħasbet bejnha u bejn ruħha, forsi fil-verita’ kien attentat innoċenti biex jagħmel parti minn familja li m’ għandux. Ħarset lura lejn Reinon u qaltlu, “Maġenb il-pjazzetta għandek issib stalla fejn tista’ tixtri żiemel, jew inkella stenna li jitlaq konvoj għal Valetan minn ħdejn l-imħażen tal-port u irkeb miegħu – hekk jew hekk minn Marassa jrid jgħaddi.” Reinon korrettament ħaseb li ma kienx għaqli li jberbaq ġidu fuq żiemel għalissa, anki għall-fatt li ma kellux l-iċken idea kif jieħu ħsiebu, allura għażel li jmur jiddobba passaġġ ma’ konvoj.
“Inti għal hawn jew għal Marassa?” staqsa lil Majsu. “Għalissa nixtieq nirranġa xi affarijiet hawnhekk – imma ma ndumx ma nerġa’ narak. Biss biss xieraq li nġiblek miegħi l-bqija tal-pagament jekk inkun ġej hemm, u forsi tintroduċini ma’ ommok eh!” nibex Majsu. Samza tatu daqqa ta’ minkeb soda ġo spalltu – Majsu kellu affezzjoni xejn sigrieta għal nisa umani sal-punt li kien jippreferihom minn nisa Nofsin. Reinon qaleb għajnejh, imma ma qallux le. Irringrazzja lil Samza ta’ kollox, ħa b’ idejn Majsu, u rħielha lejn il-port skond id-direzzjonijiet li kien ingħata. Huwa u miexi, mewġa ta’ indipendenza ġdida ħakmitlu moħħu; forsi kien ifisser li fl-aħħar qed isir raġel, jagħmel triqtu huwa stess fil-ħajja.
Jew inkella li għall-ewwel darba kien għamel biċċa xogħol li rendiet ammont ta’ flus sewwa, minflok is-serq żgħir tas-soltu jew ix-xogħlijiet mhux fissi li kien isib l’ hemm u l’ hawn f’ Marassa. Beda japprezza iktar l-arti ta’ wara l-ġojjellerija u n-negozju tagħhom, u potenzjalment il-prospettiva li jiffoka l-karriera tiegħu fuq l-istess linja tal-Ballottra l-Ħamra; dik li jikseb oġġetti prezzjużi għal min lest iħallas. Naturalment, ma kienx ser jisraq mingħand kwalunkwe proxxmu kif ġieb u laħaq – wara kollox huwa stess kien jagħmel mal-klassi tal-‘foqra’ u ma xtaqx ikompli jkasbar lil min kien inqas ixxurtjat u forsi nzerta jkollu xi ġojjellerija li m’ għandux ħliefha. Le, ħtieġlu jimmira iktar fil-għoli. Biex jagħmel dan madankollu xtaq li kieku forsi jsib xi forma ta’ taħriġ, ngħidu aħna kif juża d-dellijiet u l-ambjent tal-madwar għall-vantaġġ tiegħu, kif juża aħjar armi bħas-sikkina, ix-xabla qasira, il-qaws u l-qawsalib, żbandola, u skieken tat-tfigħ, u l-aħħar u mhux l-inqas, kif juża l-għodod għall-ftuħ tas-serraturi u lukketti, bħal dawk li kien kiseb minn fuq l-iskeletru ta’ Razil.
Eċċitat kemm kien b’ dawn il-ħsibijiet, madankollu ma xtaqx jgħaġġel. Ħaseb li Majsu xorta kien l-aħjar proxxmu li jistaqsi biex forsi jsir jaf min kien kapaċi jgħallmu dan, jew forsi kien Majsu stess li seta’ jgħarrfu b’ xi affarijiet minnhom sakemm isib taħriġ propju – wara kollox, li kellu f’ moħħu ma kontx eżattament se ssibu ġo skejjel irjali, u ma kienx għaqli li jistaqsi lil min ġieb u laħaq. Iddeċieda li jistenna sakemm jerġa’ jara lil Majsu f’ Marassa; b’ hekk ikollu iktar flus (jekk verament iġibhom miegħu Majsu) u forsi anki jkun laħaq kiseb xi risposti mingħand ommu fuq dak li qaltlu Franska. Ħass li kellu jkun iktar ippreparat qabel biss idaħħal f’ rasu li javviċina l-Makilba. Avolja qatt ma kien resaq ‘l hemm, kien sema’ biżżejjed stejjer u leġġendi dwar il-post tas-sħaħar suwed biex ikun jaf li ma kienx post għat-tfal. Is-sabiħa kienet li Franska stess stednitu jmur ifittixha f’ Makilba. Tgħid kien ikun biżżejjed li kieku jaqbad u jidħol, u jekk jinqabad, isemmi isimha bit-tama li jħalluh imur jew iġibuh quddiemha? Xi ħaġa kienet qed tgħidlu li l-informazzjoni kienet se tkun l-aqwa arma tiegħu. Ma kienx hemm x’ tagħmel ħlief li jistenna sakemm jistaqsi lil ommu dwar dan kollu.
Moħħ Reinon beda jagħqad bħal ċippitatu iktar ma jaħseb fuq li qaltlu Franska. X’ riedet tgħid biha li “Primon kellu mara oħra”? U jekk missieru veru kien namrat ta’ Franska, jiġifieri ma kienx iħobb lil Liana? Tgħid...kien hemm ċans li huwa jiġi iben Franska? Le, le, ma kienx jagħmel sens – la kienet għarfet li jiġi min-nisel ta’ Gevral, kellha fejn tinduna jekk kienx binha jew le, issopona Reinon huwa u jħaffer fl-abbissi tas-subkonxju u memorji ripressati tul is-snin. Ħaġa waħda kienet ċerta. Mill-ftit li Reinon kien jaf lil missieru, kellu l-impressjoni li kien raġel ta’ prinċipju u favur il-ġustizzja. Imma sa fejn kien jaf hu, ġaladarba missieru kien ma’ Liana li kienet tipprattika l-maġija bajda, kif ukoll ma’ Franska li kienet tuża l-maġija sewda, Primon mhux talli kellu żewġ nisa iżda wkoll żewġ ħajjiet kompletament differenti...
Comments
Post a Comment