KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (L-Ewwel Parti)
KAPITLU 2 - ŻIFNA MAL-MEWT (L-Ewwel Parti)
Liana ma kinitx id-dar. Parti mir-rutina tagħha ta’ kuljum kienet tinvolvi l-akkwistar ta’ ingredjenti veġetali u oħrajn derivati mill-art jew xi annimal, skond il-ħtieġa. Dan sabiex flimkien ma’ użu ta’ maġija bajda (iffukata fuq ħajja u fejqan, għall-kuntrarju ta’ dik sewda dwar mewt u mard) toħloq pozzjonijiet maġiċi għal diversi għanijiet.
L-Inkwiżizzjoni ma kinitx għalkollox opposta għall-użu tal-maġija; anzi l-membri tagħha stess ġieli użaw maġija sabiex jiġġieldu lil dawk li jkunu qed jużaw maġija sewda. Il-kundizzjoni kienet li kull persuna li kienet kapaċi tuża l-maġija kellha tkun imniżżla fir-Reġistru Irjali tas-Sħaħar. Derius kien introduċa miżura ta’ sigurta’ li biha, jekk xi saħħar juża maġija sewda, ismu kien jixgħel aħmar fir-Reġistru u kienet tinħareġ ordni ta’ arrest kontrih. Naturalment, kien hemm dawk li din il-miżura kienu jarawha oppressiva u kontrollanti – għaldaqstant kienu jaħbu t-talenti tagħhom u b’hekk jevitaw li jkunu reġistrati. Aktar minn hekk, Derius xtaq li kull persuna fir-Renju tiġi eżaminata għal xi potenzjal maġiku u jekk jirriżulta fil-pożittiv, tali persuna tiġi reġistrata minnufih – iżda r-Re Viktus kien oppona din is-sistema. Ma xtaqx li jkollu poplu beżgħan mill-possibilta’ li, bla ħtija, xi ċittadin ikun kapaċi jagħmel il-maġija u jispiċċa b’ forma ta’ spjunaġġ fuqu għal għomru, anki għall-fatt li Derius dejjem ħarab milli jtarraf kompletament x’ kienu l-parametri tar-Reġistru u x’ jiġri jekk jixgħel isem persuna nnoċenti.
Liana kienet waħda mis-sħaħar it-tajbin; kienet titħalla taqdi dmirha ta’ tabiba bl-użu tal-maġija. L-Inkwiżizzjoni saħansitra kienet okkażjonalment tibgħat messaġġier sabiex jixtri l-pozzjonijiet tagħha, kif ukoll sabiex jaċċerta ruħu li ma kellhiex oġġetti u ingredjenti manifestament relatati mal-maġija sewda. Bis-saħħa tar-Reġistru, dan it-tip ta’ skrutinju ma kellux għalfejn isir spiss, madankollu Derius kien kemmxejn paranoiku u kkonvinċa ruħu li hemm mnejn xi ħadd jipprattika l-maġija sewda u ma jiġix indikat fir-Reġistru. Huwa kien sejjes is-seħer tal-ismijiet fuq il-kuxjenza tal-individwu; min ikollu l-volonta’ li jagħmel il-ħsara jew joqtol permezz tal-maġija kien jirriskja li ismu jixgħel. Hawn kienu jqumu diversi mistoqsijiet etiċi – għalfejn kienu jiġu mgħassa biss is-sħaħar? Jaqbel li dan is-seħer jiġi applikat għal kulħadd biex tonqos ir-rata ta’ kriminalita’? Seta’ xi ħadd juża l-maġija sewda b’ kuxjenza safja? Biex jevita li jkollu problemi daqs kemm irnexxielu jsolvi bir-Reġistru, Derius ta’ spiss kienet tiġih it-tentazzjoni li jabbuża mis-sistema tiegħu stess u jara kollox bħala iswed u abjad biss. Ir-Re Viktus kien jimpurtah biss li ma jkollux ribelljonijiet fost is-sudditi tiegħu, allura kien iħalli lil Derius imexxi bin-narrattiva tiegħu li jkun qed jgħin lill-poplu billi jneħħilhom minn fosthom nies infami u ta’ rieda ħażina.
Reinon daħal id-dar inkiss inkiss u ntasab fuq is-sodda tiegħu jaħseb. L-għorfa li kienu jgħammru fiha hu u ommu ma kienx fiha sulari u mhux spazjuża ħafna; l-istess kienu l-maġġoranza tad-djar f’ Marassa, iktar konċernati bil-prattiċita’ milli bil-lussu u estetika. Iktar ma wieħed jersaq lejn il-qalba tal-belt ta’ Valetan, ir-residenzi kienu jiżdiedu fis-sofistikazzjoni u tiżjin; kien iktar jixirqilhom jissejħu palazzi milli djar. Ma kienx hemm lok għal għelieqi u rziezet ġewwa Valetan u Forlana, għaldaqstant il-maġġoranza tal-ikel kien jasal minn Marassa, kif ukoll Kalgaar u x-Xejr, it-tnejn reġjuni mal-kosta. Marassa kellha biss port wieħed (ikkontrollat mill-forzi tad-Duka ta’ Forlana) li kien il-bidu tax-xmara Maras, arterja prinċipali għall-agrikoltura f’ Marassa.
Bil-missjoni tberren ġo moħħu, Reinon għarrex taħt is-sodda għall-kaxxa tal-landa fejn kien iżomm il-ftit flus li kien iġemma’. B’ żaqżiqa metallika fetaħha...tnejn u tletin ċipp tal-fidda. Battal il-kaxxa u ddeċieda li jmur jarma ruħu – hekk jew b’ hekk issa dalwaqt kien ser ikollu naqra flus mhux ħażin. Xtara sejf diċenti mingħand il-ħaddied għall-prezz ta’ għoxrin biċċa tal-fidda (wara ftit manuvrar verbali biex jikkonvinċih li riedha kemm jiddefendi ruħu barra minn Marassa), borża mdaqqsa tal-ġilda u ħabel irqiq. Ġieh fi ħsiebu li jkun jaqbel jiddobba xi pozzjonijiet mingħand ommu għalli jista’ jkun, iżda mingħajr ma jgħidilha li kien sejjer potenzjalment jipperikola ruħu, u wisq inqas xtaq jisraq mingħandha. Tefa’ kollox fil-borża u rħielha lura d-dar. Kif wasal viċin id-dar jara lil ommu dieħla mill-bieb. “Iż-żift, diġa’ waslet!” qal Reinon minn taħt l-ilsien. Għadda min-naħa ta’ wara tad-dar u ttanta jidħol mit-tieqa biex jilħaq jaħbi l-borża taħt is-sodda.
Lanqas laħaq xiref difer ‘il ġewwa mit-tieqa – Liana sabitu f’ ħoġor it-tieqa jħaddan il-borża. Għal mument nesa li ommu kienet spiss tagħmel seħer protettiv fuq id-dar biex javżaha kontra indħil bla mistenni jew stedina. “Il-bieb in-naħa l-oħra qiegħed, Reinon”, qaltlu Liana b’ nofs daħka li kienet tixhed interrrogazzjoni iktar serja u imminenti. “X’ mort tixtri hemm?” Reinon iddeċieda fuq strateġija ta’ nofs onesta’; “Borża għal fuq ix-xogħol, taf inti fejn inpoġġi l-ikel u hekk sakemm naħdem.” “Għandek xogħol fiss bħalissa?” staqsiet Liana. Reinon kien pront ħareġ “Illejla għandi biċċa xogħol naqra importanti u fiha l-flus, kemm noħroġ naqra sa Borgo nakkumpanja karozzella u niġi lura. Nista’ jekk jogħġbok nieħu pozzjoni għal mat-triq?” Liana ppersistiet. “Qed tistenna xi nkwiet allura?” “Qaluli li karozzelli u karavans ġieli jiġu attakkati minn banditi matul it-triq, imma se ngħaddu minn mal-kosta ġo territorju tar-Renju biss, mhux minn ħdejn Faruga; m’għandux ikollna inkwiet,” ħarref Reinon. Liana ħarġet mill-kamra u ftit sekondi wara ġiet lura bi flixkun żgħir tal-ħġieġ b’ tapp tas-sufra, u likwidu safrani ġo fih. Reinon ħabat se jtawwal idejh għalih iżda Liana żammitlu bi priedka qasira.
“Reinon, ma nafx eżattament fiex dħalt u wisq inqas irrid nindaħallek – irridek tkun indipendenti u raġel matur għada pitgħada. Kunfidenti li moħħok jilħaqlek biżżejjed biex ma tagħmilx deċiżjonijiet boloh. Kull ma rridek twegħedni hu li tiġi lura – ma baqagħli lil ħadd ħliefek u ma rridx nagħmel l-iżball li nżommok għal dejjem miegħi, biex ma nkunx egoista. Aċċettajt li għada pitgħada jaf issib futur aħjar xi mkien ieħor, forsi ma tafx kif ‘il quddiem iħalluk tidħol lura fil-belt”. Liana refgħet il-flixkun għall-ftit dawl tax-xemx li kien qed jisreġ mit-tieqa; il-likwidu deher ikanġi minn isfar għal dehbien. “Dan il-pozzjoni jħarsek minn attakki kontrik. Użah biss jekk veru jkollok bżonnu għax ma jdumx wisq jaħdem.” Ħarġet idejha fuq Reinon, lissnet inkantazzjoni b’ lingwa msaħħra, u għal mument dehret raġġiera ċelesti kemm madwar idejha kif ukoll madwar ras Reinon. “Sigurta’ miżjuda,” għemżitu Liana, “nitlob lil Naoma għalik minn hawnhekk.”
Naoma kienet l-alla tal-qdusija, il-ħajja, il-verita’ u t-tjubija – kienet meqjuma kemm minn tobba u kemm minn xi Inkwiżituri. Iktar minn hekk, Liana kienet kjerika fis-servizz ta’ Naoma waqt żmienha fil-palazz irjali, u l-maġija tagħha kienet tkopri l-fejqan, kxif tal-verita’ u intenzjonijiet, protezzjoni u anki maġija ta’ kumbattiment kontra l-maġija sewda u forzi okkulti. Fortunatament qatt ma kienet ġiet bżonn din ta’ l-aħħar, għalkemm id-darba li użat is-seħer tal-kxif tal-verita’ kien fuq Primon stess wara żmien twil tipprova tifhem x’ kien wassal għall-bidla fl-imġieba tiegħu. Bħala mara ta’ prinċipju u kuxjenza, Liana ħassitha li qasmet linja etika malli għamlet dan, fil-forma ta’ tradiment tal-privatezza tal-individwu. Minn hemm, ir-relazzjoni ta’ bejniethom ħadet daqqa irreparabbli.
Biex ma jidhirx fraġli, Reinon ma xtaqx juri kemm fil-verita’ kienet tfisser għalih l-għajnuna ta’ ommu. Hu wkoll ma kellux ħliefha, iżda l-fatt li rari kienu jqattgħu ħin flimkien wassal għal ċertu distanza emozzjonali bejniethom. “Grazzi ma. Inwegħdek li niġi lura, u iktar sinjur minn qabel - mhux għax issa għandi ħafna, ngħiduha kif inhi, imma dejjem aħjar mix-xejn”, qal b’nofs ċajta. Liana rribattiet bl-għerf solitu tagħha, “Li jkollok il-flus forsi tkun ħaġa tajba, imma ftakar li ħajtek l-iktar ħaġa prezzjuża”. Reinon tbissem u nkina rasu b’ sinjal ta’ approvazzjoni.
Ma’ nżul ix-xemx, it-taverna tal-Qattusa Għaġġelija kienet qed tilqa’ fi ħdanha n-nies li kienu lesti mill-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Mentri Reinon, ipassi quddiem l-għatba, kien fuq ix-xwiek biex jibda x-xogħol tiegħu. Appena x-xemx inħbiet għalkollox wara x-xefaq, deherlu li kien stenna biżżejjed u daħal isaqsi lis-sid għal Majsu jew għallinqas Razil. Poġġa idejh fuq il-bank tax-xorb u ġibed l-attenzjoni lil Amed, is-sid. “Ma qallekx jekk hux ġej illejla Majsu hux?” ittanta Reinon. “Iġbed siġġu u stennieh naqra. Nifhem li Majsu mhux persunaġġ tas-soltu, imma jekk qallek ħa jkun hawn, hawn ikun tibżax”, serraħlu rasu Amed.
Comments
Post a Comment