KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (It-Tieni Parti)

KAPITLU 3 - SIGRIETI FAMILJARI (It-Tieni Parti)

Majsu kemmex xufftejh. “Sewwa wisq – jidhirli li ħaqqek xi ħaġa talli pperikolajt ħajtek għalija wara kollox, kif ftehemna. Jiena ta’ kelmti – isir kif konna tkellimna fil-Qattusa Għaġġelija. Ħabat iżda illi l-kollega jirrisjedi ġewwa Burgo stess, u bħalissa nixtieq inżomm id-distanza minn hemm, għallinqas sakemm jgħaddi l-paniku li ser jinħoloq hekk kif isibu lill-għassies mejjet. Min-naħa l-oħra, issa li Razil ħalliena, postu fil-Ballottra l-Ħamra huwa vakanti – xi tgħid kieku tidħollu inti? Tkun l-id il-leminija tiegħi u naqsmu kollox bħall-aħwa.” Reinon ma kienx ċuċ sa barra, u wara ftit kalkoli mentali qallu li kien jippreferi jikkonkludu dil-biċċa tal-ġiżirana qabel jagħtih risposta definittiva. Għal żewġ raġunijiet – biex jeħles mill-ġojjellerija misruqa, u fl-istess waqt ried jara b’ għajnejh jekk Majsu verament kellux il-kuntatti jew kienx sempliċiment qed jagħmel karriera jqarraq bin-nies.

“Allura ma taf lil ħadd iktar li jista’ jixtri l-ġiżirana u ċ-ċurkett?” azzarda Reinon. Majsu ħakk rasu, ħarbat tnejn xagħru u qal, “Ifhem, naf lil xi ħadd ieħor...imma mhux dejjem tista’ tafdaha. Kemm nibqgħu sejrin Kalgaar u naraw.” Reinon sab ruħu f’ salib it-toroq; bejn ried imur id dar u bejn ma xtaqx imur id-dar mingħajr il-flus li kienu r-raġuni nnifisha l-għalfejn kien telaq minn Marassa. Wara ftit deliberazzjoni Reinon qatagħha li jekk kien potenzjalment ser jaqla’ kunflitt ma’ ommu, ried jagħmel dan bl-assikurazzjoni ta’ kemxa flus f’ idejh f’ każ li jispiċċa bla saqaf fuq rasu. Jekk kollox kellu jmur sewwa, min-naħa l-oħra kellu l-għażla li jħalli xi ħaġa mill-flus lil ommu. “Għal Kalgaar mela,” irrassenja ruħu Reinon. Majsu għamillu l-wisa’ fuq il-ħmar u bdew ipassu matul it-triq.

Waqt il-vjaġġ, Majsu ddeċieda li jerġa’ jiftaħ ferita lil Reinon; “Allura missierek x’ ġaralu eżatt?” Reinon kontra qalbu għażel li jkompli miegħu għax il-vjaġġ kien twil u kien qed jhedded li jkun tedjanti. “Skond ma tgħidli ommi, kien ingħata l-mewt inġustament għax ħasbu li qed jipprova joqtol lir-Re bil-maġija sewda. Minħabba f’ hekk, minn Forlana eżiljawna f’ Marassa u ma nistgħux nidħlu lura hemmhekk jew il-Belt. Sa ftit ilu qatt ma kienet tgħaddili minn rasi li missieri jagħmel ħaġa bħal dik, iżda l-barunessa mid-dehra kienet tafu u x’ aktarx li huwa minnu li kien bagħbas fil-maġija sewda.” Majsu ħa nifs b’ ħasda, “Jiġifieri kellmitek? Ma ppruvatx tattakkak?” “Għall-bidu iva, imma s-seħer tagħha għal xi raġuni ma ħadimx dak il-ħin-  issa jista’ jkun għax ommi tatni protezzjoni maġika imma lill-barunessa rajtha wisq b’ saħħitha biex tali protezzjoni twaqqafha. Qalbi tgħidli li hemm xi raġuni oħra. Issa jew għax kienet taf lil missieri u tħassritni – jew ma nafx.”

“Interessanti ferm,” stqarr Majsu. “Forsi n-nuqqas ta’ missierek flimkien mal-kastig wassluk biex tkun inklinat lejn dan it-tip ta’ xogħol? Mhux li qed ingerger ta, lanqas xejn, imma kultant dak li jagħmel missier jispiċċa jikkundanna lil uliedu għal destin differenti. Jista’ jkun li missierek ġie nterpretat ħażin, imma taf kif inhuma l-Inkwiżizzjoni; mal-inqas suspett jagħmlu plejtu sħiħ”.

“Issa eżempju ħu minni,” kompla Majsu biex jirreċiproka r-rivelazzjonijiet personali ta’ Reinon, “missieri kellu kollezzjoni kbira ta’ arti li kien ġemma’ matul is-snin. Darba minnhom daħlu s-suldati Rjali u akkużawh li kien seraq xi oġġetti minnhom, allura ħadulu kollox. Ta’ ġuvnott li kont, ipprotestajt ħafna sal-punt li spiċċajt ġejt fl-idejn ma’ suldat minnhom u tefgħuni f’ ċella. Sakemm kont hemm, smajt lill-gwardjani jiċċajtaw bejniethom fuq kif il-Baruni ta’ Forlana kellu biex iżejjen id-dar tiegħu, u rrealizzajt li dawk fil-poter kapaċi jġibu kull skuża biex jiġġustifikaw għemilhom. Iddeċidejt li l-unika mod biex nirbħilhom kien li bħalhom nikser il-liġi u nikseb lura l-oġġetti li nsterqu lil missieri. Il-grupp tal-Ballottra l-Ħamra beda meta krejt xi merċenarji (fosthom Razil) u tajna s-salt lil karru li kien qed iġorr l-oġġetti minn Kalgaar għal Forlana. Minn dakinhar l’ hemm l-objettiv tal-grupp kien li niksbu lura oġġetti misruqin u nirritornawhom lura lil sidhom.”

“Ħlief din il-ġiżirana – din kienet biċċa xogħol imħallsa mingħand proxxmu li identifika ruħu bħala ġojjellier. Qalli li l-ġiżirana kien ħadimha hu u taha bħala donazzjoni lill-Inkwiżizzjoni li mbagħad tawha s-seħer tagħhom, iżda meta sar jaf li kienet intużat fuq saħħara sewda u ndifnet magħha ma ħamilx li jara xogħlu mistur u minsi, u talabni nakkwistaha lura.” Reinon daħallu, “U naturalment naqset il-parti fejn jekk tneħħiha, il-katavru jerġa’ lura għall-ħajja”. Majsu faqqa’ daħka żlugata, “Hekk jidher eh!”

Suq u ġib lil min isuq, fl-aħħar waslu fil-villaġġ kostali ta’ Kalgaar, imdawwar b’ sensiela palizzati primittivi tal-injam. Kienu iktar qishom intenzjonati li jżommu barra annimali slavaġ milli jirreżistu kontra xi armata b’ intenzjonijiet ħżiena – dan għaliex fil-verita’, f’ Kalgaar kienu jgħixu kemm umani u kemm Nofsin, u l-maġġor parti tagħhom ma kinux interessati fil-ġlied u l-espansjoniżmu tar-Renju iżda fl-agrikoltura, sajd, ikkaċċjar u tisjir. Kellhom ftehim mar-Renju li jipprovdu l-ikel, bi tpartit ma’ ftit protezzjoni miiltari meta jkun hemm bżonn. Ir-Renju kien iħaddan fih ir-razez tal-Umani, Nofsin u Nofs-Elfi. L-Elfi tal-Bosk, l-Elfi Nobbli u n-Nani kienu jippreferu jżommu għalihom fil-bliet u rifuġji rispettivi tagħhom, għalkemm xi skappatura ‘l hemm u ‘l hawn dejjem kont issib.

Imbagħad kien hemm l-Orki. Tribujiet ma jaqtgħu xejn ta’ barbari b’ ġilda ħadranija, bil-kamp prinċipali tagħhom f’ Ħar-Morunn fin-nofs tal-Kontinent. Ir-Renju kemm-il darba kien ittanta jeqridhom jew ikeċċihom, iżda minn hawn jew minn hemm dejjem sabu kif jiġu lura u jerġgħu joktru. Fis-sitwazzjoni kurrenti, ġieli kienu jmorru jattakkaw xi villaġġi fil-viċin u jieħdu l-ikel, armi u kultant xi skjavi, inkella jassaltaw xi konvoj destinat għar-Renju. Il-villaġġ ta’ Marassa kien l-iktar wieħed viċin ta’ Ħar-Morunn, madankollu kien jiġi njorat mill-Orki – probabbli għax kien ibbażat fuq l-agrikoltura u l-Orki kellhom dieta estremament karnivora; f’ kundizzjonijiet aspri ġieli kielu n-nies.

Il-villaġġ ta’ Kalgaar kien jikkonsisti fi gruppi żgħar ta’ djar iċċentrati madwar pjazzetta ħdejn daħla fil-kosta, fejn kien hemm ukoll tempju dedikat lil Edelma, l-alla tal-fertilita’, ikel, xorb u divertiment. Oriġinarjament, Edelma kienet meqjuma biss min-Nofsin tax-Xejr, sakemm irnexxielhom jikkonvertu stabbiliment ta’ umani f’ Kalgaar stess u hekk dan sar villaġġ ta’ koabitazzjoni bejn l-umani u n-Nofsin. In-Nofsin kellhom id-djar tagħhom fl-għoljiet ta’ madwar il-pjazzetta; minħabba raġunijiet ovvji ta’ differenzi anatomiċi (u estetiċi), ma kienx jagħmel sens arkitettoniku li djar tal-umani jitħalltu ma’ dawk tan-Nofsin fl-istess blokka.

Majsu ggwida lill-ħmar lejn il-pjazzetta; sab ħawt bl-ilma u waqaf ħdejh, niżel minn fuq il-ħmar u rabtu ma’ arblu biswit il-ħawt. Għamel sinjal lil Reinon biex isegwih u ġibed lejn wieħed mill-ħwienet li kien hemm jaffaċċjaw il-pjazzetta. Huma u resqin, Reinon innota li skond ma kienu jixhdu l-vetrini mimlijin oġġetti u ħaġar prezzjuż, dan kellu jkun ħanut tal-ġojjellerija. Ħa nifs ta’ serħan li fl-aħħar kienu pass eqreb lejn dak kollu li beda din l-avventura mhux mistennija. Mal-ftuħ tal-bieb ċenċlet qanpiena ċkejkna, u nstema’ leħen ta’ mara “Daqt magħkom!”. Majsu ta ħarsa lil Reinon li kienet tfisser “ġejja tiegħi”, u b’hekk ħallieh sospiż dwar x’ kien imissu jiġri hekk kif sidt il-ħanut tilqagħhom.

Is-sospensjoni ma kellhiex ħajja twila. Sidt il-ħanut ħarġet minn wara purtiera ħdejn il-bank; tat ħarsa ħafifa lejn il-klijentela u b’ passi kbar u determinati marret fuq Majsu u xarrbitlu daqqa ta’ ħarta fuq wiċċu li faqqgħet bħal ragħda. “Għandek il-wiċċ terġa’ tidher f’ ħajti? Ma qlajtlix biżżejjed inkwiet?” akkużatu bil-herra. Reinon xamm li kienet ġejja d-drama u beda jpassi lura bil-mod, avolja fl-istess ħin kien kurjuż isir jaf l-istorja ta’ bejniethom. “Għandek raġun mitt darba u elf, iżda din id-darba ġejt fuq negozju mhux fuq affarijiet personali”, qalilha Majsu jogħrok ħaddejh. “Għandi xi xogħol għalik jekk inti nteressata, Samza”, kompla Majsu ffukat fuq il-missjoni. Samza ma setgħetx temmen lil widnejha; “Wara dan iż-żmien kollu u s-saram li tfajtni fih, tiġini hawn u qisu qatt ma kien xejn?? Insejt kemm weġġajtni?” Majsu osserva li Reinon kellu ħarsa vakanti fuq wiċċu u ddeċieda li jtaffi ftit mill-pressjoni billi jispjegalu x’kien qed jiġri.

“Samza, dan Reinon. Nixtiequ nbiegħulek xi oġġetti li ksibna flimkien. Reinon, għandek tkun taf li darba jiena u Samza konna għarajjes lesti biex niżżewġu – dak iż-żmien madankollu kelli ħafna dejn ma’ merċenarji jien u nipprova nifforma l-grupp tal-Ballottra l-Ħamra. Fil-qosor, biex noħroġ mid-dejn iddeċidejt li nbigħ iċ-ċrieket tal-wegħda biex niffinanzja biċċa xogħol li biha kont qed nistenna li nikseb ċrieket ħafna isbaħ – iżda l-missjoni ma rnexxietx għax ittradewni f’ nofsha u ħallewni b’ xejn. Jiġifieri ma ntihiex tort tirrabja u tħassar kollox – nammetti li żbaljajt. Imma minix beħsiebni nħalli dik il-ġrajja ttaqqalni għal għomri, u lanqas jaqbel lilek li tagħmel hekk, Samza”.


Comments

Popular posts from this blog

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (It-Tielet Parti)

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (L-Ewwel Parti)

KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (L-Ewwel Parti)