KAPITLU 4 – RIVELAZZJONIJIET MHUX MISTENNIJA (It-Tieni Parti)

KAPITLU 4 – RIVELAZZJONIJIET MHUX MISTENNIJA (It-Tieni Parti)

Wieqaf fid-daħla tal-ħanut, Reinon inzerta lil Rowna tissara ma’ forn li kien maħkum min-nirien. Maġenb il-forn, żewġ tilari mimlijin ħbejżiet suwed kienu jispjegaw x’ ġara. Il-ħaġa stramba kienet li Rowna ġiet mgħallma sew minn Vestru u kienet ilha snin tagħmel dan ix-xogħol, u bħalissa ma kienx hemm xi bżonn qawwi ta’ tħabrik minħabba li l-bejgħ kien naqas. Tgħid żball ġenwin b’ nuqqas t’ attenzjoni? Kien x’ kien, ħobż maħruq mhux tajjeb biex jittiekel u allura ħabat tajjeb – kien hemm inqas ċans li tinxtered il-marda. Il-ħaġa iktar stramba kienet li Rowna għal mument għamlet mossa b’ idejha qisha ħa tagħti daqqa ta’ ħarta lill-forn, u oħroġ il-għaġeb in-nirien waqfu sobtu.

“Naħseb irnexxielek tbeżżgħu lill-forn”, iċċajta Reinon hu u riesaq lejha. Rowna nħasdet u wiċċha sar lewn xagħarha – bdiet iddur f’ kull direzzjoni qisha nqabdet tagħmel xi ħaġa li mhux suppost. Eventwalment moħħha rreġistra li dak li kellimha ma kien ħadd ħlief Reinon, u kkalmat. “Tajtni qatgħa, Reinon! Għandi naqra problemi bil-forn, in-nar qisu għandu moħħ għalih illum.” Wara tbissima simpatetika (u kemmxejn patetika) Reinon qalilha, “Isma’ Rowna, għandi messaġġ mingħand ommi – din il-marda li hawn iddur apparentament hija kawża ta’ qamħ ikkontaminat. Għaldaqstant ma nissuġġerix li nieklu iktar ħobż għalissa sakemm insibu tarf ta’ dan il-misteru.”

Rowna bjadet. Bil-kuntrast ma’ xagħarha ħamrani ġiet qisha l-iskema tal-kuluri tar-Renju, nofs abjad u nofs aħmar. “Imma...imma hekk ikollna nagħlqu allura! U x’ se nagħmel b’ ħajti sadanittant? U min se jsolviha din il-problema?” Reinon ħadilha idejha f’ tiegħu biex isabbarha – kienu jinħassu kemmxejn jaħarqu imma ddeċieda li juri rġulitu u jissaporti. “Jiena sejjer sa Luq’ Alfar sabiex nara niksibx għajnuna mingħand l-Elfi tal-Bosk; bil-maġija tan-natura tagħhom jaf ikollhom soluzzjoni kif ifejqulna l-qamħ.” Ħalla barra l-biċċa fejn kienu l-Elfi tal-Bosk stess li għarrqu l-qamħ, u dan biex ma jinstigax ġlied bejn ir-razez li ħadd ma kellu aptit.

“Irrid niġi miegħek. Dejjem xtaqt nara lill-Elfi! Hekk jew b’hekk għalissa bla xogħol u rrid insib xi ħaġa fiex nedha”, qaltlu Rowna. Reinon ma kienx qed jistennieha tkun daqshekk ħerqana u ta’ inizjattiva, u nħasad. Beda jipprova jbenġilha li l-vjaġġ kien twil, perikoluż, u li l-Elfi jaf ma jkunux dħulin u akkomodanti, fost manuvrar verbali ieħor. Iżda ppersistiet u baqgħet sakemm ċeda l-armi. Ġiegħelha twiegħed li minn dak li kienet ser tara ‘l barra minn Marassa ma ttarraf xejn lil ħadd – il-probabbilta’ kienet li b’ xi mod waqt l-interazzjoni ta’ bejn Reinon u l-Elfi tal-Bosk, Rowna kellha fejn tinduna li kien tort tagħhom; Reinon ma riedx jirriskja li n-nies ta’ Marassa jsiru jafu b’ dan. Apparti minn Rowna, Reinon ma kienx beħsiebu jagħmel il-vjaġġ waħdu. Bħalha, lanqas hu qatt ma kien ra Elfi u ma kellux l-iċken idea x’ seta jistenna mingħandhom, wisq iktar meta diġa’ (għal xi raġuni mhux magħrufa) kienu wrew ostilita’ kontra n-nies ta’ Marassa.

“Jien għalissa se jkolli mmur id-dar ngħin lil ommi”, ikkonkluda Reinon, “meta jasal il-waqt li nitilqu għal Luq’Alfar niġi navżak. Tajjeb hekk?” Rowna nkinat rasha bi qbil. Ta’ ġentlom li kien, (jew li jipprova jkun), ħadilha idejha tax-xellug f’ idejh u faqqa’ bewsa ħafifa fuq in-naħa ta’ wara tal-id, bħalma kienu jagħmlu lill-prinċipessi. Rowna tbissmet, ħmaret u nefħitlu bewsa lura bl-istess id, eċċitata li fl-aħħar kien se jkollha l-ewwel sens ta’ avventura f’ ħajjitha.

Reinon ma ġeriex lura sad-dar bħas-soltu. Issa li kien se jagħmel mistoqsijiet kbar lil ommu, xtaq li jkun ippreparat kif imiss. Mal-pass kajman, qagħad jaħseb fuq kif se jpoġġi l-kliem u x’ se jistaqsi eżattament, jifli u jgħarbel il-bosta ħsibijiet li kienu qed jipproliferaw f’ moħħu. Dan l-eżerċizzju ma kienx wieħed barrani għalih; spiss kien isib ruħu jhewden fuq kif jista’ jmur xenarju partikolari fil-futur, iżda ftit li xejn kien jirnexxilu jaqta’, speċjalment jekk tkun involuta ommu.

Wasal id-dar u ħabbat il-bieb. Liana fetħitlu minnufih, u baqa’ dieħel sa ħdejn is-sodda tiegħu sabiex jiddepożita ċ-ċippijiet tad-deheb li kellu fuqu dak il-ħin. La l-ftehim kien li kellhom jitħaddtu, Liana segwietu sal-kamra tiegħu u ntasbet fuq is-sodda ħdejh. “Għidli, Reinon, x’ għandek fuq moħħok?” Reinon dar lejha u fetaħ fis bil-kbir; “Min hi Franska Dimerlo?” Liana berrqet għajnejha, għax qatt m’ għaddielha minn moħħha li Reinon, ta’ tfajjel li kien, seta’ xi darba jinzerta dak l-isem tant infami għaliha u li kien abbinat ma’ dinja ta’ sigrieti, tant li ħadd tal-eta’ ta’ Reinon ma kellu jkun espost għaliha qabel iż-żmien. “Fejn...fejn smajtu dan l-isem?” staqsiet Liana ħosbiena. “Eżattament qrajtu fuq lapida ta’ sarkofagu f’ Burgo. Franska kienet mejta, u kif neħħejtilha l-ġiżirana qamet mill-qabar u ħadet il-ġilda minn fuq raġel ieħor imbagħad ġegħlitni ngħidilha min huma missieri u ommi u kif għedtilha qaltli li taf lil missieri u li kellu mara oħra-” beda jredden jgħaġġel f’ daqqa Reinon. Liana, b’ ġest sottili ta’ id mgħollija, waqqfitu milli jferra’ ħafna dettalji f’ salt.

“Għedtli li Franska bħalissa tinsab ħajja? M’ humiex affarijiet sbieħ dawn, Reinon. Franska hija waħda mill-aqwa, jekk mhux l-aqwa, saħħara sewda li hawn fir-Renju. Kont nispera li ma jkollokx għalfejn issir taf minn daqshekk kmieni biha, imma issa m’ hemmx x’ tagħmel. Jiddispjaċini li kellek tesperjenza dak li kapaċi tagħmel Franska – huma affarijiet tal-waħx anki għal xi ħadd adult aħseb u ara għalik. Fuq missierek...iva, kienet tafu, u tafu iktar sewwa milli xtaqt jiena. Għandek tkun taf li missierek kien beda jiffrekwenta l-Makilba biex fl-opinjoni tiegħu jikseb sħarijiet sigrieti li jgħinuh iwettaq il-missjoni li kien beda n-nannu tiegħek Armon. Din il-missjoni qatt ma qaluli eżattament x’ kienet, imma naf li kellha x’ taqsam mal-Prim Inkwiżitur Derius Milorn. Mid-dehra, missierek iltaqa’ ma’ Franska ġewwa l-Makilba u kienet hi li bdiet tgħallmu s-sigrieti tagħha, bil-patt u l-kundizzjoni li jtiha wild. Dan kollu nafu għax kontra qalbi għamilt seħer tal-verita’ fuq Primon.”

“Naf li abbużajt mill-poteri tiegħi, iżda missierek kien ilu snin jaħbili u jigdibli dwar fejn kien qed imur u x’ kien qed jagħmel, u fl-aħħar ma stajtx nissaporti iktar għax kelli suspett serju li kien qed jaqlibhieli. Infatti kkonfermajt dan, fost affarijiet oħra li aħjar ma sirt naf xejn bihom. Bħall-fatt li missierek saħansitra ntefa’ jitgħallem il-maġija tad-demm apposta biex jagħmel seħer fuqek, seħer li jipproteġik mill-maġija sewda ta’ Franska nnifisha. Il-biċċa hi li l-istess seħer ġabek kapaċi li tagħmel ċertu sħarijiet inti stess – is-suspett tiegħi hu li għandek potenzjal tkun saħħar tad-demm inti stess.”

Reinon sema’ dan kollu b’ ħalqu mbewwaq u għajnejh jivvibraw. “Imma...imma allura għalfejn – veru li Franska ppruvat tagħmel seħer fuqi u ma ħadimx, imma għalfejn missieri kellu jipproteġini speċifikament minn Franska? X’ kien hemm iktar bejniethom?” Liana għolliet għajnejha lejn is-sema u qarrset xufftejha, bħal donnu kienet qiegħda tobgħod twieġeb din il-mistoqsija. “Uuuuuu Reinon, jaħasra!” Demgħa ħoxna libtet minn għajnejn Liana u nstabtet għal fuq is-sodda. “Il-fatt li s-seħer ta’ Franska ma ħadimx fuqek ifisser li missierek għadu ħaj! Is-seħer tad-demm li għamel jorbtok ma’ ħajtu tant li sakemm idum ħaj hu, Franska ma tistax tmissek. Inqiegħed rasi taħt mannara li għalhekk studja r-ritwali tal-ħajja eterna, biex jiżgura dan bl-aktar mod konklussiv. Skond ma qaluli, fil-ġurnata tal-eżekuzzjoni tiegħu, mad-daqqa tal-mannara kien sparixxa fi sħaba sewda u ħadd ma sema’ iktar bih. Ironikament ta raġun lill-Prim Inkwiżitur li kien qed jakkużah bi sħarijiet suwed.”

“Issa, niġu għall-punt ta’ kollox. Jiena qed nassumi li kieku setgħet, Franska kienet toqtlok dak il-ħin stess kif għarfitek, imma hija taf b’ dan is-seħer li għamel missierek u ma qagħditx taħli saħħitha kontrik. Wisq nibża’ li issa minflok ser iddur kontrih, u mhux se tieqaf qabel issibu u toqtlu. Tgħidli x’għandha għalih? Eħħħħ...sabiex għallmitu s-sħarijiet tagħha, Primon kellu jtiha wild. Skond ma sirt naf, mat-twelid tat-tarbija Primon seraq liċ-ċkejken u ħarab bih. Kien qed jissuspetta li Franska riedet nisel tagħha għal xi sagrifiċċju mhux magħruf, u mhux biex ikollha lil min ikompli r-razza tagħha kif tarrfitlu. Dan kollu issa ilu li ġara madwar sbatax-il sena, Reinon.” Liana ħarġet idejha lejh qisha biex tippreżentah lil xi entita’ inviżibbli.

Reinon ħassu mfixkel, osservat u mqiegħed fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Moħħu kien qed jagħmel atti ta’ ġinnastika kbar sabiex jipprova jiggranfa mar-rivelazzjonijiet li kien qed jisma’. Jiġifieri missieru, bil-mod verament stramb u makabru tiegħu, xorta kien iħobbu la ħa dik il-kedda kollha biex jitgħallem is-seħer waħdieni li seta’ jipproteġih mill-mara li kien serqilha t-tarbija. Xi ħaġa kienet qed tgħidlu li Franska ma kellhiex bżonnu iktar la kienet ippruvat ittemmlu ħajtu, jew kienet insiet x’ ifisser għaliha wara dak iż-żmien kollu (u l-mewt tagħha). Fl-aħħar, moħħ Reinon irnexxielu jorganizza biżżejjed taħwid biex jirrealizza x’ ippruvat tgħidlu ommu. Il-wild ta’ Franska...kien hu stess.


Comments

Popular posts from this blog

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (It-Tielet Parti)

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (L-Ewwel Parti)

KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (L-Ewwel Parti)