KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (It-Tieni Parti)

KAPITLU 2 - ŻIFNA MAL-MEWT (It-Tieni Parti)

Reinon intasab bilqiegħda b’ sidru ma dahar is-siġġu, josserva x-xquq fit-travi tal-injam li kienu jreġu s-saqaf tat-taverna. Il-klijentela ta’ filgħaxija dehret iktar ta’ qattagħni; nies miżgħuda farretti, tbenġil, snien u/jew partijiet oħra tal-ġisem neqsin, tpinġijiet makabri u ħwejjeġ immermrin. Ħassu bħal ħuta barra mill-ilma iktar minn qatt qabel, anki għall-possibilta’ kbira li bħala ħalliel professjonali kien se jkollu jħabbatha spiss ma’ tali karattri. Mal-ħin, Razil deher jiżbokka mit-taraġ tal-kantina. Reinon ta ħarsa serja lil Amed bħal speċi “Dak kien hawn u m’ għedtlix?” iżda Amed antiċipah u refa sebgħu wieqaf ma’ ħalqu b’ sinjal biex joqgħod kwiet. Bis-solita mġieba insidjuża tiegħu, Razil indika (bħal dejjem, bis-sikkina) lil Reinon sabiex jinżel sal-kantina. Hemm sab lil Majsu jġorr basket b’xi għodod u lampa taż-żejt. “Aaaara seħibna…’Tarwin’ wasal. Bil-lest jew?” laqgħu Majsu b’ aċċenn fuq l-isem ‘Tarwin’ donnu kien induna li isem fittizju. “Ngħaddu minn hawnhekk”, ipponta Majsu lejn bettija mill-kbar mimduda fuq il-ġenb. Reinon ma kienx diżappuntat - l-għatu tal-bettija kien bieb sigriet li kien jostor passaġġ għal barra Marassa. Fehem li Majsu u Razil spiss kienu jużawh, x’ aktarx dak il-lejl stess ukoll.

Huma u jsegwu l-passaġġ, Majsu beda jispjega l-pjan. Kellhom imorru ċ-Ċimiterju ta’ Burgo u jsibu l-kripta tal-Familja Dimerlo - tiftixa faċilitata mill-preżenza indikattiva tal-għassies. Hemmhekk, Majsu kellu jibda jħarriflu li ġie biex inaddaf xi oqbra bil-lejl biex ma jiskandalizzax viżitaturi matul il-ġurnata, bil-permess tas-Sindku ta’ Burgo (permess li, m’ għandniex xi ngħidu, kien falsifikat). Waqt li l-għassies ikun impenjat bil-konverżazzjoni, Reinon u Razil kellhom jidħlu inkiss inkiss ifittxu t-tebut ta’ Franska u jieħdu l-ġiżirana. Pjan sempliċi kieku. Għal Reinon madankollu din kienet l-ewwel u l-ikbar impriża ta’ din ix-xorta; bejn ried kemm jista’ jkun iktar informazzjoni u bejn ried jidher kalm u ppreparat għal kull ma jista’ jinqala’. L-importanti kien li hu kellu jibqa’ mistoħbi sakemm Majsu jaqbad iredden mal-għassies.

Wara perjodu ta’ ħin li nħass donnu eternita’, waslu fit-tarf tal-passaġġ. Majsu għarrex b’ idejh mal-ħitan u mbotta ‘l barra bieba tqila tal-ħadid. Fuq in-naħa l-oħra tal-bieb, Reinon ra biss fanal mal-ġenb tat-triq idawwal tabella b’ direzzjonijiet lejn Marassa u Burgo. Id-dawl tal-qamar kwinta kien bati; għalkemm fil-preżent kien naqra ta’ xkiel, seta’ jiswa favur aktar tard fiċ-ċimiterju. Majsu ħareġ b’ pass mgħaġġel u dar mad-dawra tat-triq - malli għeb wara l-ġenb tal-għolja li fiha kienet il-bokka tal-passaġġ, Reinon sema naħqa iddarraslek snienek. B’ kurżita’ segwa wara Majsu u sabu qed iwaħħal il-lampa ma’ lasta fuq karru żgħir bla tinda marbut ma’ ħmar - ossija l-mezz ta’ trasport lejn Burgo, liema vjaġġ ma kellux idum daqstant. Ħabat se jitħassar lill-ħmar li kellu jqandel tagħbija ta’ tlieta min-nies, sakemm moħħu rreġistra li Razil kien mgħaddam u ma kienx fih piż, hu nnifsu kien għadu relattivament żgħir u Majsu nzerta Nofsi. Mexxejna ħa neħilsu, ħaseb għalih Reinon. 

Majsu qabeż qisu gidi fuq banketta wara l-ħmar, ħa r-riedni f’ idejh, Reinon u Razil rikbu fuq wara u l-ħmar beda jċeklem għal għonq it-triq. Il-vjaġġ kien pjuttost sieket ħlief għal xi tisfira jew kantaliena kultant mingħand Majsu, kemm kemm jikser is-silenzju. Razil kien kuntent jagħmel il-vjaġġ kollu jilgħab bis-sikkina. Mal-wasla f’ Burgo Reinon beda josserva, mid-dwal tat-twieqi tal-bini, kemm id-djar fuq in-naħa ta’ barra tar-reġjun kienu mibnijin għoljin u dojoq donnhom ir-residenti kienu qed jibżgħu jaħbtu rashom mas-saqaf. Id-djar dehru wkoll ippakkjati ħdejn xulxin bħal kotba fuq xkaffa, forsi mibnijin apposta biex jakkomodaw popolazzjoni dejjem toktor. Ma kellux ċans jagħti titwila sewwa, għax Majsu waqqaf ħesrem lill-ħmar u għamlilhom sinjal biex jinżlu minn fuq il-karru - kienu waslu fl-entratura taċ-ċimiterju. Majsu qabeż għal ma’ l-art, ħareġ muftieħ sewdieni u f’ ħakka t’ għajn fetaħ il-kanċell taċ-ċimiterju. Razil ħakem spallejn Reinon u għamillu sinjal biex isegwih; daħlu mill-entratura, għaddew minn mal-ħajt fid-dlamijiet jevitaw it-torċi u xemgħat ta’ fuq il-lapidi, u bdew ifittxu li jilmħu xi għassies jew tal-inqas struttura għamla ta’ daħla għal kripta. Majsu min-naħa tiegħu baqa’ dieħel bil-karru matul il-pajsaġġ li kien jaqsam min-nofs taċ-ċimiterju.

Ftit ‘il bogħod minnhom, l-għassies (naqra mdaħħal fiż-żmien) kien għadu kemm irkupra minn nagħsa ħafifa, ikkunslat mill-fatt li kien qiegħed jitħallas ġmielu għal dan ix-xogħol tedjanti u probabbilment inutli. Iżda dalwaqt kellu jkun lejl interessanti. Fil-bogħod ra dawl riesaq fil-viċin u għal mument ħaseb li l-istejjer tal-iħirsa kienu se jibdew jagħmlu bih, imma ħa r-ruħ hekk kif ra li s-sors tad-dawl ma kienx ħares. Min-naħa l-oħra ma kienx qed jistenna Nofsi fuq karru lanqas, u terġa’ daqshekk tard bil-lejl. Biex iserraħ rasu iktar ħataf bilġri lanza li kien ħalla tistrieħ mal-ħajt waqt in-nagħsa, u pprova jidher kemmxejn intimidanti u fuq xogħlu. Ħareġ għal nofs il-pajsaġġ, tella’ dirgħajh b’ sinjal ta’ awtorita’ prużuntuża missellfa minn żmien passat bħala suldat tar-Renju, u għajjat; “X’ qiegħed tagħmel hawn, Nofsi?” Majsu kemmex xufftejh, illaxka r-riedni u wieġbu, “Nista’ nsaqsi l-istess ħaġa lilek kieku, le? Min inti u x’awtorita’ għandek f’ dan iċ-ċimiterju?” L-għassies inbela’ ftit; in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ dawn l-aħħar xhur kien nessieh x’ jiġifieri reżistenza għall-ordnijiet.

Majsu baqa’ jmil ‘il quddiem b’ ħarsa makakka jistenna risposta. L-għassies fl-aħħar qalagħha; “Il-bqija taċ-ċimiterju m’ għandix x’ naqsam, imma jekk ġejt għal xi ħaġa minn hawn jew fil-viċinanzi, jiddispjaċini se jkolli ngħidlek tmexxili minn hawn.” Majsu kien pront; “Ninsab hawn b’ awtorita’ tas-Sindku ta’ Burgo – jekk trid tista’ tiġi tara b’ għajnejk – sabiex inbattal u nnaddaf xi oqbra matul il-lejl. B’ hekk ħadd ma jkollu għalfejn jissogra jinzertani matul il-ġurnata naqlagħlu l-familja.” Ħarbex tnejn fil-karru u ħareġ il-permess falsifikat flimkien mal-muftieħ (ukoll kopja) bħala sinjal ta’ leġittimita’. L-għassies resaq viċin il-karru għad-dawl; hekk kif tbiegħed minn quddiem id-daħla tal-kripta, Majsu ntefa’ jsaffar waħda mill-kantalieni tiegħu. Dan kien is-sinjal għal Reinon u Razil.

Razil ħareġ sett għodda li bihom jinfetħu l-katnazzi u lukketti, u rama jgħarrex fis-serratura tal-grada tal-kripta. Reinon kien mistoħbi wara vażun kbir tal-irħam, attent li ma jmurx l-għassies idur lura ħesrem u jaqbadhom fil-fatt. Kien evidenti li għal Razil din ma kinitx l-ewwel biċċa xogħol tiegħu; f’ kemm tfaqqa’ subgħajk irnexxielu jiftaħ is-serratura u beda jbexxaq il-grada bil-mod biex ma tagħmilx ħsejjes. Majsu sadanittant kien qed jispjega u jħarref lill-għassies f’ liema parti taċ-ċimiterju kien sejjer jaħdem, l-intenzjoni tiegħu li jagħmel inventarju ta’ kwalunkwe oġġetti prezzjużi midfunin mal-katavri, li jrid jagħti rendikont lis-Sindku b’ dak li jkun għamel u sab, li l-inventarju mbagħad jiġi mqabbel mad-dikjarazzjonijiet tal-qraba tal-midfunin, u mitt invenzjoni oħra sakemm spiċċa bellhu għalkollox.

Sadanittant ġewwa l-kripta, imdawla minn diversi fjakkoli mmuntati mal-ħitan, Razil u Reinon ħadu ringiela sarkofagi kull wieħed u bdew jeżaminaw il-lapidi ta’ quddiem għal isem Franska. Riħa ta’ għeluq xejn pjaċevoli kienet tirfed il-kripta, tant li Reinon ittanta kemm jista’ jkun iżomm nifsu. Wasal għal sarkofagu bl-għatu tal-irħam bajdani b’ vini rqaq suwed, interzjat bil-fidda; ”BARUNESSA FRANSKA DIMERLO”. Pespes lil Razil li minnufih tar għal ħdejh, silenzjuż daqs barbaġann nieżel jaħtaf il-priża, u flimkien bdew iressqu l-għatu tqil għall-ġenb. Appena kixfu ras il-katavru għall-arja, Reinon innota li l-katavru sewdieni (jew li kien baqa’ minnu) kien maħkum mill-għanqbut, waqt li l-ġiżirana madwar l-għonq kienet għadha tlellex bla mittiefsa, dehbiena b’ fosos żgħar lewn l-inbid aħmar. Il-barunessa kienet imkeffna f’ mantell aħdar skur mherri mill-kamla, b’ idejha msallbin fuq sidirha. B’ ħarsa ta’ kmand, Razil inkina rasu lejn il-ġiżirana – Reinon, ftit imdarras bil-prospett li jmiss il-mejtin, iddendel b’ qaddu fuq ix-xifer tas-sarkofagu u qabad imesmes fuq wara tal-ġiżirana għall-ħolqa tal-katina. Diversi brimb żgħir ħareġ jittawwal bħallikieku jarah iżarmaha, jew inkella rrabjat għall-fatt li kien qatta’ xi għanqbut fil-proċess.

Ftit ċekċik wara, Reinon irnexxielu jħoll il-ġiżirana u jaqlagħha minn ma’ għonq il-katavru. Razil ħareġ idejh b’ ġest egoist ta’ ‘newwel’, u għal nofs sekonda Reinon ġieh ħsieb miġnun li jittanta jaħrab bil-ġiżirana b’ kollox – ma kienx qed jafda sa barra li Majsu jżomm kelmtu. Iżda ddeċieda li jilgħab il-logħba u poġġieha fil-pala ta’ id Razil, li ma tilifx ħin biex tefagħha fil-but. Dar għal barra u ħabat se jaqbad u jitlaq kif ġie ġie, altament għalabiebu minn Reinon, meta bla mistenni, il-barunessa qamet bilqiegħda bi tnehida tkessaħlek demmek. Reinon safa paralizzat, imwaħħax, bla ma jiflaħ jagħmel mossa, maqbud biha quddiem id-daħla. Razil waqaf ħesrem fi triqtu lejn il-bieb u ta ħarsa lura biex jara x’ kien għamel dak il-ħoss makabru. Dan sewa biss biex jesakala għal ġirja ‘l barra mill-kripta, jaħbat ġol-għassies u jinqalbu t-tnejn li huma għal mal-art. Majsu berraq għajnejh, jipprova jifhem x’ ġiegħel lil Razil jikser il-kalma komposta solita tiegħu, altru milli apparentament jirvina l-pjan kollu. 

Sakemm Razil u l-għassies kienu qed jitkabarsu mal-art, b’ Majsu jfendi jaqbeż bilwieqfa fuq l-għassies fejn jista’, il-barunessa b’ wiċċha nofsu skeletru, xedaq immejjel, u b’ ħofor għajnejha qishom iridu jibilgħu lil min jazzarda jħares fihom, mielet rasha lejn Reinon, qamet minn ġewwa s-sarkofagu (minkejja diversi swaba’ neqsin), tawlet idha lejn il-kontenut tiegħu u dija ħadranija bdiet tberren minn ġewwa s-sarkofagu. Biċċiet tal-għadam bdew itiru minnu u jsibu posthom fuq il-katavru tal-barunessa, jgħaqqdu l-partijiet neqsin minn idejha, saqajha u kustilji bħal mużajk anatomiku. Bl-iskeletru komplut, inqatgħet mill-art u bdiet ittir bil-mod lejn it-taraġ tal-kripta. Wara din il-wirja ta’ maġija sewda, Reinon (bil-ftit partijiet ta’ moħħu li kienu aċċessibbli dak il-ħin) ħaseb li ma jkun għaqli xejn li kieku jmur iwaħħal sikkina f’ dahar il-barunessa, aktar u aktar għaliex kienet għadha kemm qalet kunjomu. Ħassu fjakk u batut; niżel kokka u b’ idejh ċatti fuq l-art, ma jistax jemmen dak li kien għadu kemm ra.

Bejn qabża u oħra, Majsu nduna bil-preżenza tal-barunessa tielgħa mit-taraġ minaċċjuża. “X’ iż-żift?!” għajjat waqt li lebbet lejn il-karru sabiex jarma ruħu. Razil rema lill-għassies minn fuqu u qam fuq saqajh jieħu l-mira bis-sikkina għażiża tiegħu. Ikkarga dirgħajh lura u waddab is-sikkina lejn il-barunessa.  Weħlet ġo l-għadma ta’ spallejha bi *TLAKK* qawwija, madankollu la waqqfet u lanqas dewmet il-miġja tagħha. L-għassies kien pront ħarab iwerżaq qisu tarbija, issa konxju mill-fatt li kien ilu xhur jgħasses kripta li kien fiha n-nies kapaċi jirxuxtaw. Majsu, armat b’ qawsalib*, induna li l-għassies kien sejjer jgħarraf ċorma nies b’ li kien ġara. Karab internament, “Eħħ jaħasra, għandna n-nejk”, u għażel li jdawwar il-mira għal fuqu minflok. Ħadu eżatt f’ nofs għonqu minn wara; l-għassies waqaf sobtu, infexx ibeżlaq id-demm, waqa’ għal irkubbtejh u nstabat mal-art għall-aħħar darba. 

Majsu dawwar ħarstu lura lejn Razil u ra xena tal-waħx; il-barunessa minn ftit passi bogħod kellha idejha t-tnejn merfugħin lejn Razil, li kien imdendel għarwien fl-arja xi żewġ piedi mill-art, imkebbeb ġewwa foga fina ta’ iswed u aħdar skur. Il-ġilda ta’ Razil bdiet titqaxxar f’ żigarelli li nġibdu lejn il-barunessa, bdew iduru magħha u jimlew il-vojt fuq l-iskeletru. Dan fost għajat iddisprat ta’ uġigħ liema bħalu mingħand Razil – iżda l-barunessa ma waqfitx hemm. Appena spiċċa s-saff tal-ġilda, kien imiss il-bqija tat-tessut uman, muskoli u organi; fi ftit kliem, Razil ġie ridott għal skeletru huwa stess waqt li Franska reġgħet ħadet lura bosta mill-bixra umana li kellha fil-ħajja. Majsu ħassu impotenti għall-aħħar quddiem dik is-saħħa barranija ta’ seħer iswed; qata’ r-riedni minn mal-ħmar, rikbu u beda jlebbet ‘l hemm sabiex isalva ġildu (metaforikament u letteralment). Qabel għeb minn fuq ix-xena, l-aħħar ħaġa li ra kienet lil Franska, issa saqajha mal-art miexja normali.


Comments

Popular posts from this blog

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (It-Tielet Parti)

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (L-Ewwel Parti)

KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (L-Ewwel Parti)