KAPITLU 1 – DNUBIET IL-MISSIER (L-Ewwel Parti)
KAPITLU 1 - DNUBIET IL-MISSIER (L-Ewwel Parti)
Reinon kien għassa għall-bejjiegħ tal-ħobż. Din id-darba kellu għajnejh fuq ftira bil-kunserva, waħda mill-aħħar mumenti ġenjali ta’ Vestru l-furnar. B’ ħerqa kbira mas-sitta ta’ filgħodu n-nies kienu bdew jiffullaw quddiem il-bieb tal-ħanut qishom qatt ma kielu, iżda Reinon ma kienx beħsiebu jistenna.
Ixxabbat ‘l isfel minn fuq il-bejt ta’ għorfa faċċata tal-furnar, libes mantell ħadrani ħafif bil-kappa, u ddeffes fil-folla. Mument wara, beda jimbotta fuq ta’ quddiemu u jagħmel tabirruħu li kien qed jiġi mbuttat huwa stess. Din l-attivita’ rrepetiet ruħha diversi drabi sakemm fil-konfużjoni, xi ħadd spiċċa mixħut għal fuq il-mejda fejn kien hemm il-ħobż imqassam għall-wiri. Bziezen ta’ kull daqs u għamla taru ma’ kullimkien – minn issa ‘l hemm, min hu l-aqwa jħawwel u aħtaf li tista’. Sakemm Vestru b’ nofs puplesija kien qed jipprova jipprevjeni lin-nies milli jġorruh ħaj, Reinon iddobba għall-affari tiegħu ftira kif tmiss il-liġi u kompla fi triqtu bejn gidma u oħra, bla ebda suspett fuqu li kien qajjem dak il-kjass kollu. Intasab fuq tarġa ftit bibien ‘il bogħod madwar kantuniera u beda jgawdi l-ftira kif suppost.
Reinon u ommu Liana kienu sfaw eżiljati lejn in-naħa ta’ barra tar-Renju ta’ Maleitha, preċiżament fil-villaġġ ta’ Marassa barra s-swar sekondarji tal-belt. Fuq ordni tal-Prim Inkwiżitur, membri tal-familja Gevral kellhom jiġu mkeċċija minn ġol-belt ta’ Valetan għas-sigurta’ tar-Renju. Ċertu Inkwiżituri kienu tal-fehma li l-familja Gevral kellha tinqered għalkollox ġaladarba kienu assoċjati mat-traditur Primon. Inzerta iżda li Liana kienet tabiba rinomata li ġieli ħadmet fil-palazz tar-Re, u b’dan il-Prim Inkwiżitur sab skuża biex juri ħniena (għalkemm falza u għal wiċċ in-nies) u jeżilja lil Reinon u Liana minflok iwassalhom għall-istess destin ta’ Primon. Darian ħareġ digriet li Reinon qatt ma seta’ jattendi skejjel irjali, biex fl-opinjoni tiegħu ma jkollux l-għarfien dovut biex iwassal għal karriera fil-maġija u jispiċċa bħal missieru. Waqt li taparsi mħasseb fuq il-futur ta’ Reinon, dik kienet ir-raġuni li għarraf biha lil Liana. Fil-verita’, Darian kien beżgħan mill-possibilta’ li Reinon ikollu potenzjal maġiku kbir.
Mhux li kellu ħafna għalxiex jinkwieta. Issa li kellu sbatax-il sena, Reinon kien iktar moħħu biex jinbex lit-tfajliet u jipprova jibda karriera ta’ ħalliel professjonali, għalkemm sa issa kien jisraq biss biżżejjed biex ikollu x’ jiekol meta jkun nieqes finanzjarjament. Kien wiegħed lilu nnifsu li la jikber iktar, kien se jagħmel flus biżżejjed biex la hu u lanqas ommu ma jkunu neqsin, waqt li jisraq biss oġġetti prezzjużi mingħand dawk li għandhom iżżejjed ġid.
Fuq hekk ma kellux għażla oħra ħlief li jidħol jisraq mill-belt, kontra d-digriet tal-Prim Inkwiżitur u b’riskju għal ħajtu – il-bqija tal-villaġġ ma kellu xejn ta’ valur sostanzjali. Liana min-naħa l-oħra ma tantx kellha ċans iżżommlu sod jew tiskuraġġih minn futur kriminali. Spiss kienet tkun impenjata tagħmilha ta’ tabiba/spiżjara tar-raħal, u waqt il-ftit ħin li tkun id-dar, Reinon ikun għadu jiġri barra jew jagħmel xi biċċa xogħol żgħira l’hemm u l’hawn, kemm jaqlagħha u jikolha. Il-produttivita’ ta’ Reinon kienet naqset mindu tefa’ għajnejh fuq it-tifla ta’ Vestru – kien iqum kmieni apposta biex jinzerta jaraha minn wara t-tieqa, taħmi l-ħobż ma’ missierha. Minkejja diversi linji ħamalli li kienu jiġuh f’ moħħu li seta’ jgħidilha rigward bziezen u ħbejżiet, l-ewwel darba li għażel ikellimha spara waħda marġinalment sottili “Jaqaw missierek ħalliel? Għax seraq l-istilel u tefagħhom f’ għajnejk.”
U Rowna daħkitha – il-karattru nebbiexi ta’ Reinon, b’ figura atletika, bi frenza fuq ġenb wieħed u tbissima ta’ sabi kien spiss imur tajjeb mas-sess oppost. Issa Reinon kien jipprova diversi linji ma’ diversi tfajliet, iżda f’ Rowna kellu iktar interess – forsi għax xagħarha nnukklat ħamrani mal-element tan-nar tal-forn kellu ċertu appell poetiku li żammu mħajjar, donnu ma kienx biżżejjed li jieħu l-ħobż ta’ Vestru imma wkoll lil bintu.
Spiċċat il-ftira.
Reinon tfarfar mill-frak inevitabbli tal-ħobż u beda jdur mar-raħal, issa mdawwal minn xemx qawwija, biex jara jsibx xi biċċa xogħol. Għadda minn quddiem il-mitħna – kien qandel biżżejjed xkejjer mat-taħħan. Inzerta lill-ħaddied b’ martell f’ idejh jivvendika ruħu minn nagħla ta’ żiemel fuq l-inkwina – ma rahx xogħol għal idejh. Skarpan – wisq degradanti. Fl-aħħar lemaħ avviż mal-bieb tat-taverna ‘Il-Qattusa Għaġġelija’.
TĦOBB L-AVVENTURA? TRID ISSIR SINJUR?
INGĦAQAD MAGĦNA, IL-BALLOTTRA L-ĦAMRA!
(staqsi ġewwa għal Majsu)
Għajnejn Reinon xegħlu – qisu xi ħadd kien qed jaqralu moħħu. Daħal mill-bieb u minnufih iddispjaċieh li ma ppreparax ruħu minn qabel; laqgħetu riħa pessma ta’ birra, għaraq u awrina. Mad-daqqa t’għajn, il-klijentela dehru nies ta’ qattagħni u mhux ta’ min iħabbatha magħhom. Hu u miexi lejn is-sid tat-taverna, Reinon ħassu qed jiġi skrutinjat minn fuq s’ isfel u minn ġewwa sa barra, anki għall-fatt li l-ħsejjes naqsu hekk kif xiref mill-bieb ‘il ġewwa. Ma tantx kont tara nies tal-eta’ ta’ Reinon ġo taverni, wisq inqas f’postijiet hekk dubjużi.
Sid it-taverna żied jiffissa ħarstu f’ għajnejn Reinon, waqt li b’ċertu lajma xegħel sulfarina minn xemgħa safranija batuta u qabbad il-pipa, bl-antiċipazzjoni ta’ diskors li kellu jkun interessanti, jekk mhux tad-daħk. Reinon taptap idejh fuq il-bank tax-xorb u tefa’ l-minkeb fuqu, u bl-arja ta’ kunfidenza (falza) staqsa lis-sid, “Nixtieq inkellem lil Majsu”. Is-sid wieġbu, “Ma nagħtix informazzjoni bħal dik. Mhux bla ma tixtri x’tixrob, tal-inqas.” Reinon stad ċippa tal-bronż minn but li kien qed jhedded li jiżżarrat għall-għarrieda, u għollieha b’ subgħajh lejn is-sid, li kien pront ħatafha fl-ajru. “Grazzi tad-donazzjoni, imma missek taf li ma nistax inbigħ xorb lit-tfal.” Is-sid neħħa temporanjament il-pipa minn ħalqu, nofsu mgħotti b’ mustaċċi daqs xkupilja u b’ faxx safrani fin-nofs, u nefaħ boqqa duħħan f’wiċċ Reinon, li nzerta kien qed jaqleb għajnejh eżasperat u ma rahiex ġejja. Ħassu jifga u nfexx iqaħqaħ, waqt li taverna nies jassistu għal din il-konverżazzjoni kkoordinaw faqqatura daħk nejjieki fil-konfront tiegħu. Ħlief persuna waħda – ħdejn il-bieb, raġel b’ riġlejh fuq il-mejda baqa’ jilgħab b’sikkina dejqa madwar subgħajh.
Comments
Post a Comment