KAPITLU 1 – DNUBIET IL-MISSIER (It-Tieni Parti)

KAPITLU 1 - DNUBIET IL-MISSIER (It-Tieni Parti)

Ir-raġel li ma daħakx, wiċċu mqarras u mgħaddam, minnufih qam bilwieqfa bis-sikkina għadha tiżfen f’ idejh, u beda mixja minaċċjuża lejn Reinon. Il-patruni tat-taverna lkoll siktu f’ daqqa, qisu b’ sinjal ta’ rispett lejn xi ħadd superjuri. Reinon trassas mal-bank tax-xorb b’ dahru lejn is-sid jistenna lir-raġel jersaq. Ir-raġel waqaf erba’ passi ‘l bogħod. Kellu ferita antika fuq għajnejh il-leminija u diversi tpinġijiet madwar għonqu. Ipponta s-sikkina lejn Reinon, u għamel sinjal lejn it-taraġ li kien jagħti għall-kantina. Kemmxejn imbeżża’, Reinon ra li ma setax jaħrab ‘il barra ġaladarba r-raġel tas-sikkina kien bejnu u bejn il-bieb, u rrassenja ruħu f’ idejn id-destin. Beda jimxi lejn it-taraġ, bir-raġel isegwih mill-qrib. Fl-aħħar tat-taraġ kien hemm bieb magħmul minn vireg tal-ħadid – malli waslu ħdejh, il-ħsejjes normali tat-taverna reġgħu ħakmu l-atmosfera qisu qatt ma kien xejn. 

F’ dawl batut, Reinon ma setax jifli l-kamra sewwa – ir-raġel fetaħ il-bieb u ressqu għal ġol-kamra. Reinon dar isaqsi, “Inti Majsu?” imma r-raġel ma wieġeb xejn. Leħen oħxon minn kantuniera tal-kamra rbombja mal-ħitan; “Jiena Majsu. Razil ma jitkellimx, imma ma jaħmilx nies li jitkellmu fil-vojt, jiġifieri oqgħod attent x’ se ngħidlek”. Waqt dan il-kliem, figura mid-dlam ħarġet għan-nofs tal-kamra fejn Reinon seta’ jara ftit aħjar. Wara dik l-introduzzjoni drammatika, stenna xi ġolf intimidanti jħares lejh minn fuq, iżda sab ruħu jħares ‘l isfel hu stess lejn raġel qasir ħafi u b’ saqajh sufin. Reinon kien ser jinfaqa’ f’ daħka redikolanti u (kif jerġa’ jġib nifsu lura) isaqsih x’ sar miż-żarbun tiegħu, iżda ftakar f’ Razil u żamm postu. “Qed nassumi li qatt ma rajt Nofsi* f’ ħajtek, hux tassew?” akkuża Majsu. “Nofsi...x’ inhu?” staqsa Reinon ġenwinament mistagħġeb. “Ma ntikx tort – ir-razza tiegħi mhix komuni f’ dawn in-naħat. In-Nofsin jgħixu fix-Xejr; m’ aħniex parti mir-Renju iżda mhux l-ewwel darba ippruvaw jeħdulna artna.” 

Majsu resaq iktar biswit Reinon u kompla, “Sakemm skoprew li ħadd ma jsajjar bħalna u wħud minna għamlu karriera bħala kok fil-bliet ta’ Valetan u Forlana. Jien min-naħa tiegħi kont iktar avventuruż. Iffurmajt il-grupp Ballottra Ħamra bil-għan li ngħin lil min lest iħallas sabiex...nilliberaw ċertu oġġetti u nirritornawhom għand sidhom. Bħalissa għandi biċċa xogħol sensittiva f’ idejja u qed infittex ċertu talenti li jistgħu jkunu ta’ użu – inti bħalek x’ taf tagħmel?”

Sorpriż b’ din l-intervista mhux mistennija, Reinon beda jlaqlaq, “Eeeemm...mela...naf, naf nixxabbat u nitla mal-ħitan-” “M’ hemmx ħitan fejn sejrin”, daħallu Majsu, “u nħoss li smajt biżżejjed. Razil?” Ir-raġel b’ wiċċu mqarras qabad lil Reinon minn spallejh u qabad ser jiggwidah ‘il barra sfurzat. Reinon beda jiddispra, kemmxejn irrabjat għall-mod kif Majsu qatagħlu xewqtu ħesrem, u ddeċieda li jieħu ċans riskjuż. Daħħal idejh f’ but ieħor (din id-darba ta’ integrita’ soda), ħareġ ċurkett b’ fossa ħadranija u għajjat, “Stenna stenna! Għandi dan!” Razil kien pront illiberah miċ-ċurkett u newlu lil Majsu, li min-naħa tiegħu xegħel lampa li kienet fuq bettija żgħira tal-inbid, qabbad monoklu ma’ għajnu u beda jifli ċ-ċurkett, ħareġ biċċa xafra żgħira u beda jigref il-metall safrani fuq in-naħa ta’ ġewwa taċ-ċurkett.

“Dan fejn sibtu?” staqsa Majsu b’ ton impressjonat. Reinon irribatta, “Sraqtu mingħand il-mara ta’ baruni minn Forlana waqt li kienu qed jassistu għaċ-ċensiment is-sena li għaddiet. Ħallietu ġo kaxxa fil-karrozzella għax bdiet tibża’ turih fil-pubbliku – lilna ta’ Marassa ma tantx jafdawna – imma rnexxieli nfixkel lill-għassies u nidħol nieħu ċ-ċurkett.” Majsu neħħa l-monoklu minn għajnu. “Għandi ngħarrfek li dan iċ-ċurkett huwa tad-deheb, u l-fossa hija żmeralda brillanti. Kapaċi jġib elfejn ċipp tad-deheb, faċilment. Jidher li moħħok jilħaqlek, u għalhekk ser nagħmillek offerta. Bħala assigurazzjoni biex ma tfottinix se nżomm iċ-ċurkett, inti se tgħinni nisraq ġiżirana partikolari, u mill-flus tagħha ntik sehemek. Inbigħlek iċ-ċurkett għand brigant ħabib tiegħi u ntik nofshom. Sewwa?”

Reinon ma tantx ra għażla issa li kien ċeda l-aħħar karta li kellu x’ jilgħab. “Fejn tinsab din il-ġiżirana allura?” Majsu ħares tnejn madwaru qisu ser itarraf xi sigriet irjali, u qallu, “Hemm leġġenda tgħid li ċertu Franska Dimerlo, mara nobbli minn Burgo, snin ilu kienet għamlet ħabta tgħix mas-sħaħar tal-Makilba sabiex titgħallem kif tqajjem il-mejtin. L-Inkwiżizzjoni saru jafu b’ dan, u malli rritornat ma damux ma qabduha. Ma ħadux riskju – ħarquha ħajja, libbsu ġiżirana msaħħra lill-katavru, u għalquh f’ kaxxa tal-ħadid. Xogħolna hu li niksbu din il-ġiżirana – issa l-biċċa hi li Franska midfuna fil-kripta tal-familja Dimerlo, f’ ċimiterju privat u mgħasses. Ma nistenniex wisq tfixkil – illejla ma’ nżul ix-xemx kun hawn u nitilqu għal Burgo.” 

“Tajjeb wisq, nagħmlu hekk mela”, lissen Reinon għalkemm konċernat fuq in-natura maġika tal-ġiżirana – ma xtaqx jistaqsi ħafna iktar għax Razil deher bla paċenzja u s-sikkina kienet qiegħda tgħaġġel iktar fid-dawrien tagħha. Ħa b’ id Majsu li staqsieh x’ jismu; Reinon ivvintalu l-isem ‘Tarwin’ u wara estenda idu lejn Razil, iżda baqa’ biha vojta hekk kif minflok laqgħu ġest arroganti ta’ “dabbar minn hawn issa” indikat mis-sikkina. Minnufih Reinon irħielha għat-taraġ, u hekk kif nibet minn taħt l-art in-nies tat-taverna nfexxew iċapċpu bħallikieku kien għadu kif għamel xi ħaġa erojka. Konfuż, Reinon baqa’ sejjer għal barra minn maġenb is-sid waqt li tah tislima b’ inkinatura ta’ rasu. “Isma’ ftit”, qallu s-sid. Reinon dar lura u s-sid kien pront waddablu ċ-ċipp tal-bronż li kien ħadlu qabel. Reinon ħafnu mill-ewwel, u b’kurżita’ staqsieh, “Għaliex qed iċapċpu?” waqt li pponta b’ subgħajh il-kbir lejn il-bqija tat-taverna. Is-sid tbissem u qallu, “La rnexxielek toħroġ minn hemm isfel bla mittiefes, sinjal li għandek x’ toffri.” “Allura...min ma jkollux x’ joffri?” azzarda Reinon. Is-sid qabad inaddaf flagun tal-ħadid, kixef snienu sofor mgħawġin (impriża diffiċli minn taħt mustaċċi daqsiex) u ammetta, “Ejja ngħidu li xi drabi ma joħorġux lura”.

Barra t-taverna, Reinon ħakmitu ansjeta’ kbira hu u jirrifletti f’ liema xorta ta’ basla kien daħal. Bejn xtaq ikun kompletament onest ma’ ommu, u bejn xtaq jgħattilha biex ma tinkwetax. Minħabba l-għemil infami ta’ missieru, Reinon ma kienx eżattament anonimu ġo Marassa, avolja mis-swar tal-belt Forlana ‘l barra n-nies ftit kien jimpurtahom mill-aġenda tar-Renju. Kważi ħassu stupidu li ta isem fittizju lil Majsu meta faċilment seta’ jsir jaf il-veru ismu. Kellu xaqq ta’ ħsieb iżda li Majsu ma kienx ser jiġġudika ġuvni f’ bidu ta’ karriera fis-serq talli jagħti identita’ falza.

Waqaf jaħseb fuq ir-riperkussjonijiet li kien iġib miegħu l-għemil ta’ missieru – kien ifisser dan illi għandu jibqa’ ttimbrat għal għomru minħabba xi ħaġa li ma kellux sehem jew ħtija fiha? Kien għad kellu biss tmien snin meta ġie nieqes missieru, u sfortunatament (jew bix-xorti, skond kif taraha) ma kienx qatta’ ħafna ħin ma’ Primon li kien diġa’ qabad jindiehes mas-sħaħar tal-Makilba, sar arroganti u distruttiv u saħansitra wassal lil Liana biex titilqu u tieħu magħha lil Reinon. Dakinhar tal-eżekuzzjoni, Liana ma kinitx parti mill-miġemgħa għax tatha ġewwa wisq li r-raġel li darba kienet tħobb safa mibdul f’ karattru annimalesk – u dan mingħajr ma kienet taf il-kawża ta’ din il-bidla. Primon baqa’ qatt ma qal lil ħadd fejn kien qed imur u x’ kien qed jagħmel, sakemm Derius darba minnhom kien segwieh sal-Makilba u kkonkluda li Primon kien waqa’ fil-ħażen tas-seħer iswed.

Ħaġa li ma kinux jafu Liana u Reinon; malli nqatgħet ras Primon, ġismu għosfor u evapora fi sħaba tlellix sewdieni fl-aħdar. Derius kien solva problema u nqalgħetlu oħra; ra prova ta’ maġija sewda li tatu raġun, iżda wisq iktar ta’ tħassib kienet il-possibilta’ li Primon, b’ xi mod, kien għadu ħaj.

(*Nofsi = 'Halfling')

Comments

Popular posts from this blog

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (It-Tielet Parti)

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (L-Ewwel Parti)

KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (L-Ewwel Parti)