Introduzzjoni

INTRODUZZJONI

Quddiem il-bieb prinċipali tal-Fortizza Ġermo, manigold armat b’mannara twila u bi snin twal ta’ sadid fuqha kien qed jieħu l-mira biex jaħsad ras Primon Gevral, ittimbrat bħala traditur tar-Renju. Minkejja li l-akkużi miġjuba kontra Primon kienu ta’ natura gravi u allarmanti, ma kienx hemm wisq ċittadini jattendu l-esekuzzjoni pubblika – probabbilment għaliex il-Prim Inkwiżitur Derius kellu kumpless narċissistiku elevat, kien jordna eżekuzzjoni kważi kull ġimgħa u kulħadd kien imxebba’ bit-teatriniżmu mneffaħ li bih kien jikkomporta ruħu waqt avveniment simili. Infatti – 

“Għandek xi kliem tal-aħħar x’tgħidilna, ja bhima misħuta?” nebaħ Derius lejn Primon waqt li fetaħ idejh beraħ bħallikieku qiegħed jappella għall-furur tal-miġemgħa. Maqbud kif kien fiċ-ċpiepet tal-ħadid mal-polz u rasu fuq il-blokka tal-injam, Primon ma kienx f’ pożizzjoni li jħares f’għajnejn Derius. Minn taħt l-ilsien lissinlu “Id-deċiżjoni tiegħek ilek li ħadtha. Il-bqija tista’ tmur titnejjek.” Derius, bi tbissima insidjuża fuq wiċċu, dar lejn in-nofs folla u ħanġar, “Qegħdin taraw? Sfidanti sal-aħħar – karattru tipiku ta’ traditur li kellu l-wiċċ jikkonspira mal-għadu biex ineħħi lir-Re minn fuq it-tron! L-istess bħal missieru Armon, il-familja Gevral bil-maġija sewda tagħhom tinsab ossessjonata bil-waqgħa tar-Re u t-tħarbit tar-Renju! Bojja, mas-sinjal tiegħi!” Derius refa’ idejh u l-ġabra tan-nies bdiet tgħajjat, ħerqana għall-intratteniment.

Minn taħt il-għajn, Primon ra lil missieru fl-udjenza. Jew għallinqas, xtaq biżżejjed li missieru jkun preżenti fl-ispirtu biex jikkonvinċih li għemilu kien għal kawża ġusta. L-akkużi kienu veritieri, għalkemm mhux sa barra. Ir-Re ma kien xejn ħlief pupazz tal-Prim Inkwiżitur, li kien iservi kemm ta’ konsulent kif ukoll bħala kap tal-Inkwiżituri – tista’ tgħid li kien jaf il-qoħob kollha tar-Renju. Lil Derius ma tantx kienu jaħarbulu affarijiet, iżda kellu ħabta jaqbeż għall-konklużjonijiet fuq evidenza minima – il-bqija tal-proċess kien jimxi biss fuq il-kariżma tiegħu bħala ġudikant. U l-poplu kien jiblagħha, irrassenjat li ħadd u xejn ma seta’ jikkonvinċi lil Derius mod ieħor. Eżekuzzjonijiet kienu jsiru tista’ tgħid darba kull ġimgħa, sforz il-ħidma bla rażan tal-Inkwiżituri li spiss kienu jaqbdu ma’ xi ċittadin suspettat li jkun qed ibill subgħajh fil-maġija mhux awtorizzata; jew agħar, maġija sewda. U mhux kumbinazzjoni li ħafna drabi, dawk akkużati li jkunu sħaħar ikunu qalu xi kelma jew tnejn kontra t-tmexxija tar-Re Viktus – politikament konvenjenti li wieħed jeħles minnhom bil-pulit.

Primon kien jaqa’ f’ din il-keffa tal-miżien. Il-familja Gevral kellha storja twila ta’ ribelljoni kontra dik li huma kienu jaraw bħala tirannija tar-Re, madankollu qatt ma bagħbsu mal-maġija. Primon min-naħa l-oħra, fiż-żelu tiegħu li jkompli l-missjoni ta’ missieru, kien azzarda jinnegozja ma’ setta xejn pjaċevoli magħrufa għas-seħer misterjuż tagħhom. Dan skond hu sabiex jirbaħ vantaġġ kontra l-forzi tar-Renju. Ħadd ma kien jaf eżattament x’mar jagħmel Primon fil-ħofra msejħa Makilba. Fis-sikta tal-lejl, in-nies kienu jirrakuntaw li fiha ġieli seħħew ritwali u ċerimonji okkulti. Minn mindu ġie lura mill-ħofra, Primon ma baqax l-istess. Sar iktar kwiet, ħosbien, u l-ftit li kien jitkellem spiss kien jaħtaf lil min ikellmu b’ mod żorr.

Il-Prim Inkwiżitur niżżel idejh bil-ħeffa. Il-manigold bil-mannara kkargata rama sabiex jaqta’ barra ras Primon. Ħafen il-manku sewwa u ta daqqa feroċi ‘l isfel. Il-mannara faqqgħet mal-blokka tal-injam, u l-miġemgħa siktet f’ daqqa.

Comments

Popular posts from this blog

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (It-Tielet Parti)

KAPITLU 3 – SIGRIETI FAMILJARI (L-Ewwel Parti)

KAPITLU 2 – ŻIFNA MAL-MEWT (L-Ewwel Parti)